Meta mistoqsi dwar il-fatt li Malta leħqet il-Herd Immunity, Bernard Grech qal “U LE MHUX LI TILĦAQHA L-EWWEL QISNA QED NAGĦMLU XI TELLIEQA”

Blog post minn osservatur politiku

Dan kien il-kliem li qal Bernard Grech il-Ħadd li għadda meta ġie intervistat. Dan id-diskors, Grech qalu meta kien qed iwiegeb mistoqsija dwar il-pandemija. Għalija dan hu kliem li ma għandux jintqal meta pajjiżna qed jagħmel min kollox biex jirpilja minn kull aspett, imma l-aktar ħaġa importanti fiċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom, li l-poplu tagħna jkun kważi kollu vaċċinat kontra dan il-virus qerriedi.

Iddispjaċini mmens li smajt dan il-kliem minn bniedem li suppost qed jagħmel ħiltu biex jara li ċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin ikunu f’pożizzjoni aktar trankwilla għax jafu li ġew vaċċinati biex jilqgħu, jekk Alla ħares qatt, jerġa’ jitfaċċa żmien diffiċli ieħor. Huwa kważi mpossibbli tifhem kif politiku, f’pożizzjoni ta’ kap ta’ partit, li suppost qed jibgħat messaġġ ta’ kuraġġ, jitlef kull sens ta’ sensittivita’ fuq l-aktar ħaġa mportanti għall-bniedem, saħħtu.

Il-ġurnalista Mark Zammit staqsa lil Bernard Grech dwar il-vaċċinazzjoni u b’ċertu entużjażmu enfasizza li Malta rnexxiela tilħaq il-herd immunity bħala wieħed mill-ewwel pajjiżi. Il-ġurnalist deher verament sinċier fid-dikjarazzjonijiet tiegħu li kienu qed jissarfu f’mistoqsija lil Bernard Grech biex jgħaddi l-kumment tiegħu. Bernard Grech, b’dik ir-risposta miktuba aktar ‘l fuq irnexxielu jħalli lil ġurnalist skantat u deher skomdu ħafna meta sema dik id-dikjarazzjoni. Ma ridtx jemmen lil widnejh, bħalma ma jridux jemmnu kull Malti u Għawdxi meta tisma’ sentenza li tibagħtlek messaġġ ta’ menefregiżmu esaġerat. Messaġġ li kieku ma tipprovax tħallih għaddej jibqagħlek fuq l-istonku sa x’ħin ikollok tirreġettah. Il-politika Maltija waqgħet f’livell li jien ma nista’ naqbel miegħu qatt. Il-Gvern irid jaħdem kemm jiflaħ biex jagħmel l-almu tiegħu kollu dejjem bi skop wieħed, għall-aħjar tal-poplu Malti u Għawdxi. Ma jista’ jħalli ebda okkazzjoni għaddejja biex joħloq ambjent sagħan fil-pajjiż biex l-għajxien ma jkunx fih skossi u problemi li ma humiex żgur neċessarji. L-oppożizzjoni trid ukoll twettaq xogħolha bħala seqer fuq il-Gvern. Trid taqdi dmira biex tara li l-poplu jieħu l-aqwa u l-aħjar. Jekk ikun hemm xi nuqqas, trid tidħol u tagħmel il-kritika kostruttiva tagħha u tipproponi konkretament. Hemm bżonn li fil-politika kulħadd jitgħallem li teżisti l-kelma umilta’. B’risposta bħal dik fuq is-saħħa tal-poplu turi biss nuqqas kbir ta’ kredibilita’. Tweġiba bħal dik tirrabjak u ġġagħlek tistmerr is-sistema politika li qed tiġi wżata.

Possibbli l-Kap tal-Oppożizzjoni ma hux kapaċi jammetti li l-gvern ħadem ħafna u rnexxielu jilħaq livelli tajbin, tant li ninsabu wieħed minn tal-ewwel, li għamilna suċċess fil-vaċċinazjoni taċ-ċittadini. X’hemm ħażin fil-politika li tapprezza t-tajjeb li jkun għamel l-avversarju politiku tiegħek? Dr Bernard Grech qed titfa’ lil Partit Nazzjonalista lura fiż-żmien. Erġajt qed tressaq is-sostenituri tal-Partit biex jemmnu li l-Partit Nazzjonalista biss jista’ jagħmel it-tajjeb. Qed toħloq ambjent ta’ distabilita’ politika u dan kollu għax ma tasalx biex tkun umli u taċċetta l-fatti bħala fatti. Għalhekk dħalt fil-politika? Għalhekk aċċettajt li tkun Kap tal-Partit? Għalhekk ma komplejtx taħdem fuq il-mudell ġdid li xtaq jdaħħal ta’ qablek li jammetti u jagħti l-kredtu lil min ħaqqu? Għalhekk daħħlulek f’rasek li l-partit tiegħek għandu xi dritt divin li jiggverna dejjem hu? Dik hija l-politika tal-klikka?

Malta dik il-politika irreġettata għal darba, darbtejn. Jekk mhux ser tifhem li l-Maltin u l-Għawdxin iridu jimxu ‘l quddiem u mhux imorru lura għall-arroganza, li fniet il-gvern ta’ Gonzi, int, Dr Bernard Grech, ma fhimt xejn. Int ma fhimtx x’iridu s-sostenituri tal-partit tiegħek. Diġa’ qiegħed tard, imma jekk mhux se ddaħħal f’moħħok li trid tibdel għax se tiġġamja, allura tista’ trodd salib fuq il-partit tiegħek u tagħlaq il-bibien, għax għandek garanzija quddiemek li ħafna iżjed votanti se jabbandunaw il-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply