Inkwiet fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista: Bernard Grech irid b’saħħa li d-deputati jivvutaw favur li jkun legalizzat l-użu tal-kannabis.
L-aħħar laqgħa tal-grupp Parlamentari Nazzjonlista li saret il-bieraħ kienet għal darba oħra ddominata mit-tiżgwid. Din id-darba, it-tiżgwid ma għadux l-aktar bejn il-membri parlamentari infushom, iżda bejn il-membri parlamentari u l-amministrazzjoni Nazzjonalista li qedha tmexxi lil Bernard Grech. Matul din il-laqgħa tal-bieraħ, Bernard Grech insista li hu ser jerbaħ l-elezzjoni u ser ikun il-prim ministru l-ġdid ta’ Malta. Biss qal li hemm żewġ deputati (u ma qalx min huma) li qed jaħdmu kontra tiegħu biex hu ma jerbaħx. Huwa sinċerament jemmen li ser jerbaħ l-elezzjoni u kull ma hemm bżonn huwa li tingħata l-aħħar imbuttatura.
Biss f’din l-istrateġija biex Bernard Grech jerbaħ l-elezzjoni, huwa spiċċa iżola lill-kulħadd fil-grupp Parlamentari nkluż u l-aktar dawk li tellgħuh. Beppe Fenech Adami, David Thake, Jason Azzopardi u Carol Aquilina huma fost dawk id-deputati li spiċċaw imwarrba u qed igergru bil-miftuħ kontra Bernard Grech. Id-deputati li qed imexxu lil Bernard Grech huma Herman Schiavone, Kristy Debono, Claudio Grech, Claudette Buttigieg, (li hija magħrufa bħala ir-reġina fil-grupp parlamentari) u Ryan Callus. Qabel kull laqgħa tal-grupp parlamentari, Ryan Callus jiltaqa’ miegħu biex jgħidlu x’għandu jgħid. Dak li ġara huwa li ġiet ikkreata arja ta’ skuntentizza kbira fil-grupp u din qed twassal biex membri fil-grupp, spiċċaw litteralment joffendu lil Bernard Grech b’li għandu u b’li ma għandux.
B’hekk jekk qabel il-qasma fil-grupp Parlamentari kienet bejn dawk ta’ Adrian Delia u dawk tal-klikka, issa l-qasma inbidlet. Illum hemm it-tmexxija tal-partit kontra l-grupp Parlamentari. F’din l-atmosfera, Therese Comodini Cachia ġa ddikkjarat li ma tixtiqx toħroġ għall-elezzjoni.
Din l-iskuntentizza kompliet tikber peress li Bernard Gerch irid b’saħħa li l-grupp parlamentari Nazzjonalista jaqbel miegħu u jivvuta favur l-approvazzjoni u legalizzazzjoni tal-kannabis. Dan is-sit jista’ jiżvela li Bernard Grech ilu jipprova biex il-membri parlamentari Nazzjonalisti jaqblu ma’ din il-liġi għal dawn l-aħħar tliet laqgħat li saru ta’ dan il-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Tal-bieraħ kienet it-tielet darba. Biss il-problema li għandu Bernard Grech hija li anki fost id-deputati li jappuġġjawh, mhux kollha favur din il-liġi. Claudio Grech huwa kontra u nista’ nżid li huwa voċiferu kontra tagħha. Fost dawk favur din il-liġi hemm Ryan Callus u dan b’saħħa jrid li l-kannabis tkun legalizzata.
F’laqgħa li saret tal-grupp parlamentari, imma mhux f’dik tal-bieraħ, kien hemm anki preżentazzjoni minn Claudette Buttigieg fuq dan is-suġġett. Dawk id-deputati li rawha mill-ewwel qalu li għamlet pudina! Biss Bernard Grech xorta ma qatax qalbu u baqa’ għaddej u b’hekk dan l-argument reġa’ ġie diskuss fil-laqgħa tal-bieraħ. L-argument li qed iġib Bernard Grech għala d-deputati Nazzjonalisti għandhom jaqblu u jivvutaw favur il-kannabis huwa għaliex it-tfal tiegħu qed jaqblu mal-legalizzazzjoni tal-kannabis u għalhekk il-grupp parlamentari kollhu għandu jaqbel magħhom!