Fuq x’hiex għandu x’jiftaħar Jason Azzopardi?

Blog post minn Osservatur politiku

Fis-26 ta’ Mejju 2021, Jason Azzopardi ħa għaxar minuti fl-aġġornament tal-Parlament biex tkellem fuq żewġ suġġetti li nebħuh kostitwenti tiegħu waqt li kien qed jagħmel il-house visits. Wieħed mis-suġġetti msemmija kien in-nuqqas ta’ ftaħir. Jason Azzopardi qalilna li persuna, minn dawk li kien qed iżur, qalulu biex il-Partit Nazzjonalista għandu jiftaħar ħafna iktar b’rixu u jsemmi l-ġid li għamel meta kien fil-gvern. Jason Azzopardi kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista mhux qed ifakkar biżżejjed dawk ir-riżultati tajbin li ħoloq għall-poplu. Minn fost id-deputati kollha li għandu l-Partit, inħoss li Jason Azzopardi jista’ jkun l-inqas wieħed idoneu li joqgħod jiftaħar b’dak li għamel il-Gvern Nazzjonalista.

Irridu niftakru li hu kien kemm Segretarju Parlamentari kif ukoll Ministru f’wieħed minn dawn il-gvernijiet. Meta nisma’ dan it-tip ta’ diskors, iva tiftakar li kull Gvern Nazzjonalista prova jħalli t-timbru tiegħu fuq il-pajjiż. U allaħares ma jkunx hekk. Ma inhiex wieħed minn dawk li nara kollox blu jew kollox aħmar. Jiena anżi nikkritika lil min imaqdar biss għax ma jkunx reali u ma jista’ qatt jiġi emmnut. Kif tista’ tmaqdar kull ma jsir. Kellna perjodu fejn kellna kap li għall-klikka ma seta’ jagħmel xejn tajjeb. Anżi kull ma għamel jew prova jagħmel, għax dejjem sab bsaten fir-roti, dejjem kien ħażin għal ħafna minn dawk fil-grupp parlamentari. Imma x’ħa b’hekk il-Partit?

Nistieden lil Jason Azzopardi jirrispondi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, x’ħa l-pajjiż b’dak il-gideb kollu li qal fuq Adrian Delia li ammettih u ffirma għalih fid-dikjarazzjoni konġunta tiegħu ma’ Adrian Delia. Ma jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista għadu ibati l-konsegwenzi għal dak il-perjodu? Biss Jason Azzopardi niggustah. Qalilna fil-parlament biex in-Nazzjonalisti jiftaħru b’dak li għamlu. Imma Dottore inti tista’ tiftaħar b’dak li għamilt int? Għandek xi ħaġa li tista’ tiftaħar biha?

Naf li waqt id-diskors tiegħek semmejt li wettaqt xi ħaġa kbira għax kien hemm arranġamenti biex numru ta’ nies isiru sidien ta’ djarhom. Prosit. Imma jien niftakarni ukoll nara dawk is-seduti kollha u twal tal-Public Accounts Committee fejn int kont qed tiġi mistoqsi fuq affarijiet li kont imdaħħal fihom int. Jekk kellekx tort jew le, la naf u lanqas jinteressani. Imma ma naħsibx li dik hija xi ħaġa li ebda Nazzjonalist ma jista’ jiftaħar biha. Għalfejn qed ngħid dan? Għax b’dan id-diskors fejn pruvajt tgħaddi messaġġ biex in-Nazzjonalisti jiftaħru b’rixhom, xi ħadd irid ifakkar lin-Nazzjonalisti, għax naħseb hawn ħafna ma jafux, li int resquk tliet darbiet quddiem il-Public Accounts Committee fuq tliet każijiet differenti. Għalkemm nimmaġina li kien żmien diffiċli għalik meta għal siegħat sħaħ Dr Robert Abela l-iżjed, kien jispara mistoqsija wara l-oħra u int tirrispondi ta’ avukat li int.

 Imma Dr Jason Azzopardi ma nħossx li tista’ tgħaddi messaġġ bħal dak meta int wieħed mill-ftit deputati li kellek tersaq quddiem il-PAC tirrispondi mistoqsijiet antipatiċi. Jekk nisma’ lilek tiftaħar, bir-rispett kollu, ngħid imma minn daqshekk nies dan irid jiftaħar meta jaf minn x’hiex għadda hu u minn x’hiex għadda l-Partit Nazzjonalista miegħu.

One comment

Leave a Reply