Fejn sparixxa Louis Galea?

Blog post minn osservatur politiku

Meta tibda’ tirrifletti fuq dak li għaddej minnu bħalissa il-Partit Nazzjonalista, ma jkollokx triq oħra ħlief li tgħid li donnu iktar ma jgħidu li qed jaħdmu, inqas jidher li qed isir xogħol. Meta kien għad hemm Dr Adrian Delia bħala kap, il-Partit Nazzjonalista kien fjamma kontinwa. Kull filgħodu tistenna biex tara min kien ikun niżel min-naħa l-ħażina tas-sodda, bħal ma konna ngħidu fi żmien Mintoff, biex tara x’se joħroġ ġdid u kif se jattakkaw lill-kap tagħhom dak iż-żmien. Allura kien dejjem għaddej f’xi tip ta’ diskussjoni, fit-tajjeb u fil-ħażin. Issa l-attakki fuq il-Kap preżenti sparixxew. Biex inkunu ċari mhux għax ma hemmx fuq x’hiex!

Il-klikka ma tistax tiftaħ wisq ħalqha, għalkemm nafu li ma hi kuntenta xejn, għaliex kienet din l-istess klikka li firxet it-tapit l-aħmar biex Bernard Grech ikun jista’ jimxi lejn it-tron u jpoġġi fuqu mingħajr qatt ma kien jobsor. Dak in-nhar wieħed mill-perċimes kien Dr Louis Galea, l-avukat astut politikament u meqjuż bħala ikona tal-Partit Nazzjonalista. Dan ir-raġel donnu reġa’ nxteħet jaħdem fl-għelieqi għax ma għadux jidher lejn id-Dar Ċentrali. Sfortunatment donnu qed jagħtini l-impressjoni li qata’ qalbu li jsewwi l-ħsara kbira li għamel dan l-avukat li kien mogħti vot ta’ fiduċja minn Dr Adrian Delia, l-kap ta’ qabel. Imma ma nistgħux ninsew meta l-istess Dr Adrian Delia li kien qal li l-fiduċja li kien estenda lil Dr Louis Galea kienet issarfet f’daqqiet kbar ta’ stalletti.

Tinnotaw li ma għadu jissemma min ħadd. Tinnotaw l-assenza tiegħu. Ma tinsewx li sa ftit ġimgħat ilu kien ikun id-Dar Ċentrali kuljum. Tgħid lanqas kitbiet ma għadu jgħaddi lejn il-partit? Tgħid ilu ma jibgħat xi ittra taħraq jesprimi l-opinjoni jekk mhux ukoll jimponiha? Tgħid ma tah xejn x’jagħmel Dr Bernard Grech lil dan il-bniedem li kien hu li ħadem b’makakkerija kbira t-tkeċċija ta’ Dr Adrian Delia? Tgħid ma fadallux lil min iressaq biex jitpoġġa bħala ġeneral madwar Dr Bernard Grech? Tgħid tant wasal biex kisser il-partit, li dejjem jgħid li jħobb, li kien aħjar għalih li warrab u pprova jinħeba mis-search lights li hemm id-Dar Ċentrali? Ma għandu ebda parir x’jagħti lil Dr Bernard Grech biex forsi ma jkomplix iħammar wiċċ il-partit fid-diskorsi tiegħu? Tgħid ma għadux jipprepara r-risposti ta’ Bernard Grech meta jaffaċċja l-ġurnalisti speċjalment dawk ta’ nhar ta’ Ħadd?

Dr Galea x’jidhirlek mill-prestazzjoni, fl-opinjoni tiegħi fjakka ħafna, ta’ nhar il-Ħadd meta Dr Grech kellu quddiemu lil Mark ta’ Xarabank? Jekk tkun Nazzjonalist u tħares lejn il-Partit ta’ dan l-aħħar xhur tibda’ tgħid kif spiċċa hekk partit kbir bħal dan. X’qed jiġri fil-laqgħat tal-grupp parlamentari? X’qed jiġri fl-eżekuttiv? Kulħadd qabel mal-kandidata ġdida li fajjar isimha l-partit allavolja jafu li hija favur l-abort b’qawwa kbira? Ittieħed vot fuq din il-kandidata? Xi ħadd għad irid jispjega kif partit politiku jaċċetta kandidata favur l-abort meta fl-istatut tiegħu stess, miktub minn Dr Louis Galea, jiddikjara f’Taqsima I-Bidu, taħt it-titlu

‘Viżjoni u Missjoni’ bin-numru (10) Il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex: a) kulħadd jiżviluppa u jħares saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs, bl-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, f’familja mibnija fuq l-imħabba, mingħajr id-dellijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni, abbuż u esklużjoni.’

Possibbli Dr Louis Galea, li kien jattendi l-laqgħat tal-eżekuttiv biex ikompli jsaħħan il-qiegħa fi żmien Adrian Delia, ma qal xejn. Possibbli ma bagħat ebda spjegazzjoni jew ittra lill-membri tal-eżekuttiv biex ifehemhom, li deċiżżjoni bħal din tmur kontra l-istatut, bħal ma kien għamel fl-ittra tiegħu lill-kunsilliera fejn ta’ spjegazzjoni twila kif setgħu jivvutaw biex iwarrbu lil Dr Adrian Delia.

Kemm għandu kull Nazzjonalista jagħmel eżami tal-kuxjenza u jgħarbel ħsibijietu. Kull Nazzjonalist għandu jirrifletti fuq dak kollu li sar fis-sena 2020. Kull Nazzjonalist għandu jaħseb jekk Louis Galea ħadimx bl-irġulija u b’imħabba lejn il-partit jew ħaddanx f’xogħlu l-aġenda personali tiegħu? Kull Nazzjonalist, speċjalment it-tesserati, għandhom jirriflettu fuq id-deċiżżjoni importanti li ħadu fl-2020 u jaraw jekk kienetx għażla tajba jew le.

Leave a Reply

Your email address will not be published.