X’ser jagħmel il-partit Nazzjonalista minħabba l-kontijiet tiegħu tad-dawl u l-ilma u dejn il-għandu?

Blog post minn osservatur politiku

Iktar mal-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, iktar qed jitfa’ bozza qawwija fuqu n-nifsu. Meta qed jagħmel hekk, qed ifakkar kemm għandu dejn mal-ARMS. Qed ifakkar kif dan il-partit qed jegħreq fid-dejn enormi li ħakmu. Dan l-imbierek dejn żgur li ma kienx hemm min dejjem. Jien ninsab ċert li meta wiret il-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, hu ma sabx dejn ma wiċċu. Niftakar tajjeb kemm flejjes inġabru min-Nazzjonalisti biex waslu biex twettqet il-ħolma li jkollhom Dar Ċentrali li sservi tajjeb lill-partit għażiż għalihom.

Niftakar is-suċċessi kbar li kienu jagħmlu dak iż-żmien fil-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u fil-lotterija tal-Indipendenza. Id-Dar Ċentrali lii hemm illum inbniet fi żmien il-Kap Eddie Fenech Adami u s-Segretarju Ġenerali Joe Saliba. Ħallsu ħafna imma xi dejn ħallew ukoll. Minn hemm bdiet it-taqtiha kontra d-dejn u l-problemi tal-pagamenti pendenti. Biss xorta wieħed jistaqsi fejn marru dawk il-flus kollha li kien jiġbor Fenech Adami?

Minn dak iż-żmien ‘l quddiem ebda ras kbira ma setgħet twaqqaf l-emoroġija finanżjarja u d-djun bdew jiżdiedu kull sena. Kien hemm min prova jikkontrolla ħafna, kien hemm min prova jikkontrolla ftit, kien hemm min ġie altament jaqa’ u jqum tant li meta kienu jonqsu l-flus kien imur il-banek u jissellef bi kwalunkwe interessi mitluba. Kien jirraġuna li dak jieħdu ħsiebu jew jaraw x’ser jagħmlu, ta’ warajh. Il-Partit Nazzjonalista għamel żmien kien mogħni b’nies li jimpurthom minnhom infushom biss u mhux mill-partit.

Issa l-Partit Nazzjonalista qiegħed fi stat li jekk mhux se jara x’se jagħmel fil-finanzi tiegħu jista’ jwasslu għal diżintegrazzjoni tiegħu stess. Kif jista’ partit kbir jibqa’ jiffunzjona b’dak id-dejn kollu, għalkemm qatt ma ħareġ stqarrija uffiċjali kemm hu eżatt id-dejn. Imma jekk mhux se jaqbad il-barri minn qrunu, tant ser tkun qawwija l-waqgħa li se jegħreq għal kollox.

X’jista’ jsir?

Jien ma nemminx li l-partit kellu daqstant spejjeż li falla lilu n-nifsu. Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista kellu nies inkarigati mill-politika tiegħu u allura mill-infieq tiegħu li għandhom jinżammu responsabbli ta’ kif sparpaljaw jew le dawn il-flejjes kollha. Għalija, biex tibda’ tissolva l-problema, trid issib fejn marru dawn il-flus kollha. Min kien inkarigat minnhom irid jirrispondi. Jiena naf li fi żmien Joe Saliba, bħala Segretarju Ġenerali, l-accounts tal-partit kienu jiġu ffirmati minn awditur u kienu jinżammu tajjeb. Naf ukoll li fi żmien Robert Arrigo, l-affarijiet kienu jitmexxew b’mod serju. Mela biex tibda tinħall il-kobba mħabbla, trid issir inkjesta interna mmexxija minn kumpanija serja ta’ awdituri li ma tħares lejn wiċċ ħadd.

Ma jistax ikun li dan il-partit jibqa’ jħalli xniegħat u allegazzjonijiet għaddejjin mal-pubbliku Malti u Għawdxi u ma jagħmel xejn fuqhom. Il-Partit Nazzjonalista jissejjaħ partit glorjuż u naqbel. Imma biex jibqa’ jżomm dan it-titlu jrid jitnaddaf internament.

Għandu bżonn ta’ tindifa mid-diċeriji li hawn jiġru mas-saqajn li maż-żmien kien hemm ħafna serq minn xi uffiċċjali. Dawn huma diċeriji perikulużi li qed ipoġġu lill- Partit Nazzjonalista f’sitwazzjoni tant antipatika li ħafna nies tilfu u qed jitilfu kull interess fl-istess partit. Ma jistax jkun il-partit ikompli jitlob il-flus lill-poplu meta fil-kuruturi tiegħu hemm xamma ta’ tbagħbis. Dan irid jispiċċa.

Inutli l-Partit Nazzjonalista joqgħod jagħmel il-gimmicks bħal ma għamel fir-reġistrazzjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, meta hu għandu mażra finanżjarja ma għonqu li tista’ teqirdu minn wiċċ Malta u Għawdex. X’jiswa li partit politiku jkollu storja glorjuża ta’ 140 sena imbagħad erba’ sangisugi għerrewh finanzjarjament!

One thought on “X’ser jagħmel il-partit Nazzjonalista minħabba l-kontijiet tiegħu tad-dawl u l-ilma u dejn il-għandu?

Leave a Reply

Your email address will not be published.