“Ma ħassx il-kuxjenza tniggżu jara daqstant anżjani jistennew meta jaf li gvern ma jistax jagħti refund lilhom biss imma jekk jagħti refund irid jagħtih lill-poplu Malti u Għawdex kollu?”

Blog post minn osservatur politiku

The die is cast – il gioco e’ fatto – il-logħba ntlagħbet. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ rebbieħ. Il-Partit Laburista qala’ damdima. Viva l-Kap. Viva Dr Bernard Grech.

Hekk qed jgħidu numru ta’ Nazzjonalista wara li l-bieraħ, is-Sibt 29 ta’ Mejju 2021 saret attivita’ politika li xi wħud qed jaħsbu li din ser tibqa’ mniżżla fl-istorja politika bħala waħda mill-ġranet grandjużi għal-Partit Nazzjonalista! Dan il-partit niżżel in-nies fit-toroq u ġabarhom id-Dar Ċentrali biex jirreġistraw isimhom, jagħtu n-numru tal-karta tal-identita’ u kopja tal-aħħar kont tad-dawl u l-ilma tagħhom. Qalulna li kienu mijiet li marru jirreġistraw mal-Partit Nazzjonalista għar-rimbors ta’ flus li qed jgħidu li nsterqu mill-poplu minħabba sistema vvizzjata fil-kalkulazzjonijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Suċċess kbir!

Imma l-ewwel ħaġa li rridu nieħdu nota tagħha, importanti u mhux garantita’, hija li Bernard Grech irid, biex nibdew u forsi naslu, jerbaħ l-elezzjoni. Wara jara minn fejn se jsib il-flus. Dan ma jistax jagħmlu qabel jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja. Imbagħad jibda l-proċess ta’ rikalkular tal-kontijiet. Wara dan it-traġit kollu nisperaw li jibdew ħerġin il-pagamenti għal dawk li sofrew minn dan is-serq, jekk hu serq, u jitħallsu lura. Qed ngħid hekk għaliex is-sistema wżata biex fuqha jsir il-kalkolu tal-kontijiet għamilha l-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern! Biss b’dak li ġara llum, Bernard Grech diġa’ mela rasu li ser jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja. Dr Grech qalilna li:

“Il-Maltin u l-Għawdxin dalgħodu wieġbu għas-sejħa nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista bi ħġarhom”.

Hemm hu. Bi ħġarhom qalilna li marru għax l-għajta kienet nazzjonali. Kulħadd mar. Dawk ta’ kulur blu, aħmar, aħdar u l-kuluri kollha tal-qawsalla. Kollha wieġbu għal din l-għajta biex jieħdu lura dak li hu tagħhom. Dr Grech kompla jgħidilna li

“Gvern Nazzjonalista ġdid immexxi minni jara li ssir ġustizzja mal-poplu Malti u Għawdxi, u l-€50 miljun misruqa minn dan il-Gvern jintraddu lura”.

F’din is-sentenza qalilna xi ħaġa li forsi qatt ma smajniha qabel. Iddikjara li l-Gvern Nazzjonalista ġdid se jkun immexxi minnu. Dr Grech din saret fissazzjoni kerha tiegħek. Kull erba’ kelmiet li tgħid trid tfakkar lil kull min jisimgħek li l-Gvern Nazzjonalista se jkun immexxi minnek. Qed iberraq xi dubju jaqaw Dr Grech? Għandek xi ħaġa tinkwitak? Jaqaw qed tħoss li l-futur tiegħek mhux fis-sod? Jaqaw qed tħossok ftit dubjuż jekk dawk li poġġewk hux ġa qed jaħsbu biex iwarrbuk? Jaqaw qed tisma’ int ukoll id-diċerija li għaddejja li bik bħala kap, il-Partit Nazzjonalista ma għandux ċans lanqas jerbaħ it-tellieqa tal-fenek u l-fekruna. Dr Grech fil-post tiegħu fuq facebook ried dan il-ġej:

“Taħt ċirkustanzi normali dawn il-persuni ma kinux ikunu hawn, għaliex mhuwiex normali li jinsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. In-nies li ġew hawn illum huma kollha nies onesti, ġenwini, li jinsabu diżappuntati li ġew misruqa”.

Anke taħt ċirkustanzi differenti dawk in-nies qatt ma misshom kienu hemm Dr Grech. Aħseb u ara fi żmien fejn l-awtoritajiet werwru lill-kulħadd bil-covid19. Jekk ridt tilagħba tal-hero, missek iddikjarajt li meta tieħu l-Gvern, int twiegħed lil kull min jirċievi kont, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, ser ikun irrevedut mill-2013 ‘l hawn u trodd lura xi differenżi ta’ pagamenti mħallsa żejda lil kulħadd.

Dr Grech int mort qalb il-mijiet li marru d-Dar Ċentrali. X’ħassejt dak il-ħin? Ma ħassejtekx skomdu li qlajt tant anzjani minn darhom għal xejn? Ma ħassejtekx imdejjaq li tgħajjat nies li ġew id-Dar Ċentrali biex għaddejthom passata? Ma jidhirlekx li dan il-gimmick li għamilt illum irredikulajt ruħek, għax int ma tistax tirrifondi flus biss lil dawk li ġew jirreġistraw miegħek? Ma ħassejtx il-kuxjenza tniggżek meta tara daqstant anżjani jistennew sa meta jmisshom, meta taf li dawn, jekk jitħallsu, iridu jitħallsu mal-kumplament ta’ Malta u Għawdex kollu? Kif tħossok issa wara tant kampanji li għamilt biex tgħid li l-Gvern mhux qed jieħu miżuri biżżejjed biex jiġġieled il-Covid19? Mela l-Covid19 ma baqgħetx problema issa? Mir-ritratti mtella’, ir-regolament tas-social distance ma tantx ġew rispettati.

One thought on ““Ma ħassx il-kuxjenza tniggżu jara daqstant anżjani jistennew meta jaf li gvern ma jistax jagħti refund lilhom biss imma jekk jagħti refund irid jagħtih lill-poplu Malti u Għawdex kollu?”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *