Peter Caruana Galizia ma jridx jikxef għawwaru u juri lill-pubbliku kemm huwa u martu ħallsu f’taxxi

Meta matul din il-ġimgħa deher quddiem l-Imħallfa Anna Felice r-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, f’kawża li Yorgen Fenech qed jagħmel kontra l-familja Caruana Galizia biex titnaqqas it-talba ta’ rikumpens li qed jintalab mingħand Yorgen Fenech minħabba l-allegat qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-avukat tal-familja, Joseph Zammit Maempel talab, f’isem il-familja Caruana Galizia, biex il-proċess jinżamm għand l-imħallfa u mhux jitniżżel fir-reġistru kif normalment isir. Dan ifisser li terzi ma jkollhomx aċċess għal dan il-proċess sakemm ma jingħatawx kopja tal-atti mill-partijiet.

TVM news qaltilna li l-qorti laqgħet it-talba tal-familja Caruana Galizia ‘biex l-atti f’din il-kawża jinżammu fis-sigrieta u jkunu aċċessibbli biss għall-partijiet’. Dan ifisser bil-pulit li dawn l-atti ma jistgħux jiġu ppubblikati fil-media. Jekk jiġu ppubblikati jkun ifisser li ħarġuhom waħda mill-partijiet. B’hekk il-familja Caruana Galizia qed ikunu żguri li ħadd ma jkun jaf kemm verament iddikkjaraw bħala dħul lid-dipartiment tat-Taxxa.

Fi kliem ieħor ma jridux li l-qarrejja jkunu jafu dwar kemm verament kienu qed jagħmlu flus mill-blogs ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jien ma għandi l-ebda interess li nikteb fuq il-ħajja privata ta’ ħadd. Biss il-media għandha dritt, f’dan il-każ, li tikteb u tikkummenta. Tajba din. Mela din il-familja tgħajjat bit-trasparenza. Tgħajjat li l-gvern korrott. Tgħajjat li dan il-gvern jaħdem bil-moħbi. Qed titlob kumpens minħabba li tilfu l-flus miz-zekzik li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia. Imbagħad, huma ma jridux min jitkellem u jirrapporta dwar l-istejjer tagħhom u kemm verament kienu qed jiddikkjaraw lid-dipartiment tat-taxxa. Imbagħad jigu l-MEPs Ewropej u jippreżentawhom bħala l-paladini tal-rule of law u l-garanzija tal-liberta’ tal-espressjoni. Imbagħad huma ma jridux min jitkellem u jirrapporta dwarhom. Verament kif kienet tgħid ommi. Ħadd ma jrid il-ġustizzja wara biebu.

One comment

Leave a Reply