Mingħajr assessjar u marki, studenti ma jkunux jafu fejn qegħdin

Bħalissa hemm kwistjoni mal-MUT dwar il-Maths. Dan għaliex l-għalliema tal-matematika ma jistgħux jieħdu aktar minn għoxrin lezzjoni. Din id-direttiva ilha mill-2019. Minħabba din id-direttiva, l-għalliema tal-matematika mhux jagħmlu il-continuous assessment ta’ matul is-sena. X’inhu l-continuous assessment? Matul kull term, l-għalliema tas-suġġetti jagħmlu l-assessjar ta’ xi jkunu tgħallmu t-tfal. Dan ifisser l-assessjar tal-homework, tal-classwork u tal-parteċipazzjoni waqt il-lezzjoni. Dan l-assessjar jgħodd fil-global mark tal-aħħar. L-eżami annwali jkollu biss perċentwal żgħir tal-marka globali

Mela, meta studenti jiġu biex jitilgħu mill-primarja għall-middle school u mill-middle school għas-sekondarja, hemm dejjem l-użu tal-marki. Issa ġara li fir-riżultati li ntbgħatu matul din is-sena skolastika, ma hemmx l-assessjar tal-maths.

Dan wassal biex mara kitbitli wara li qrat artiklu li deher illum fl-Orizzont dwar l-istress li qed joħloq l-eżami tal-benchmark. Hija għandha wild li din is-sena ser jitla’ minn year 8 għal year 9, jiġifieri ħa jgħaddi mill-middle school għas-sekondarja. Din l-omm talbitni biex inwassal dan il-messaġġ f’isimha lil ħafna ġenituri u lill-kbarat fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Waqt li taqbel ma’ numru ta’ punti f’dan l-artiklu, jiġifieri li l-pandemija kkreat stress kemm għall-ġenituri u anki għall-għalliema u l-istudenti, it-tfal huma stressjati wkoll minħabba l-eżamijiet annwali. Din l-mara mhix kontra l-eżamiijiet. Anzi favur tagħhom tant li hija kontra li tneħħew il-half yearly exams.

Hija qaltli li l-istress kompla żdied mhux minħabba l-eżamijiet, imma minħabba il-mod ta’ kif qed isir l-assessjar tal-istudenti li ser jagħmlu t-transizzjoni minn year 8 għal year 9, jiġifieri jgħaddu mill-middle school għall-iskola sekondarja. Hija rreferit għall-fatt li dawn l-istudenti ma għandhomx assessjar tal-matematika minħabba d-direttiva tal-MUT kif spjegata hawn fuq. Minħabba dan in-nuqqas ta’ assessjar, qed ikun ikkreat stress fuq l-istudenti, u aktar fuq il-ġenituri li jridu lill-uliedhom imorru tajjeb. Dan għaliex, mingħajr dan l-assessjar fil-matematika, din l-omm kompliet tgħidli, it-tifel tagħha ma jafx fejn qiegħed f’dan is-suġġett.

Mingħajr assessjar u marki, din l-omm kompliet tgħidli, it-tifel tagħha ma għandux motivazzjoni biex jistudja. Din il-mara għalqet il-messaġġ tagħha billi qaltli ‘dan mhux stress għall-istudenti li ma jafux fejn qegħdin fil-matematika?’

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *