Messaġġ inaċċettabbli li bih ma tistax tirbaħ voti
Blog post minn osservatur politiku.
Dr Mercieca,
Qrajt fuq is-sit tiegħek, it-tweġiba ta’ Dr Bernard Grech lil wieħed mill-Presidenti ta’ Kumitat Sezzjonali. Għalija dik hija arroganza tal-għola livell. Jekk Dr Grech jaħseb li b’dik it-tweġiba se jġib lura lil dawk in-nazzjonalisti li kien għad kellhom u għadhom jemmnu li Dr Adrian Delia qatt ma kellu jispiċċa minn kap, lili u lil ħafna bħali qatgħalna qalbna għal kollox.
Apparti li hi xotta u fiha kuntest ta’ maledukazzjoni kbira, fiha nfisha hija tweġiba li biha, Dr Grech qed jibgħat messaġġ li hu ma jikkalkulax lil kulħadd l-istess. Hu jidher li bħalma qal darba lil nazzjonalist fil-foyer tad-Dar Ċentrali, li hu mhux se jaċċetta iżjed li jkun rrikattat bil-vot, issa qed jirrepetiha bil-miktub.
Imma kap ta’ veru ma jistax jaqgħa u jqum mill-għaqda li tant ħambaq fuqha. Ma jistax jiġi jaqa’ u jqum mill-voti. B’dan it-tip ta’ atteġġjament, ivoti qed jitlef il-Partit Nazzjonalista. Dak li hu żgur, voti mhux ser jerbaħ. Fuq kollox, bi tweġiba bħal din, qed jiżra’ aktar mibegħda fost il-fazzjonijiet interni fil-partit. Qed joħloq ħafna aktar konflitti bejn in-Nazzjonalisti infushom.
Dik ir-risposta mibgħuta lil persuna li kienet qed tagħti ħinha b’mod volontarju biex tkompli twassal il-messaġġ tal-Partit neħodha bħala risposta lili personali u lil ħafna nies oħra nazzjonalisti. Jien ma nistax naħlef li dik it-tweġiba kitibha Bernard Grech personalment. Biss jekk ma kitibix hu, min kitibha għamilha f’ismu.
X’gost fih li taqra dan it-tip ta’ messaġġi? Kif jista’ jimlik bil-kuraġġ, messaġġ bħal dan minn kap ta’ partit? Kif tista’ tikteb fit-tweġiba tiegħek li trid timxi din il-mixja flimkien magħqudin? Dan huwa messaġġ li jqabdek rabja kbira. Dawn huma kliem li la hu addattat, la hu aċċettabli u lanqas hu idoneju minn Kap ta’ Partit. Dan huwa diskors li lanqas jintbagħat lill-ikbar għadu tiegħek, aħseb u ara lil xi ħadd li qed jgħinek.
Mela, l-ewwel ħaġa li jrid jagħmel, jekk irid ikun rispettat min-nazzjonalisti, jrid jagħmel ġustizzja ma’ din il-persuna. Aktar u aktar għandu juri li qed jagħmel ġustizzja. Għandu jċanfar b’mod immedjat lil min, mis-segretarjat tiegħu, kiteb dik it-tweġiba. Imbagħad għandu jikteb b’mod immedjat lil din il-persuna biex jiskuża ruħu.
Il-messaġġ ta’ din il-persuna turi weġa’ kbira li hija soffriet minn għand xi ħadd ieħor fil-Partit. Min gideb fuq din il-persuna qed juri li huwa persuna bla etika politika u bla sens ta’ edukazzjoni. Barra minn hekk wera, li ma tafx xi tfisser taċċetta ideat politiċi differenti li l-Partit Nazzjonalista tant jiftaħar bihom. Persuna li tigdeb fuq ħaddieħor qatt ma tista’ tkun parti integrali f’istituzzjoni li hu partit politiku.
Oh Partit Glorjuż. Oh Partit Nazzjonalista fix ġabuk? Oh Partit Nazzjonalista għaliex ħallejt lil dawn in-nies jaħkmuk? Oh Partit Nazzjonalista kemm konna aħjar qabel ma din il-klikka ħatfet il-Partit Nazzjonalista. Oh Partit Nazzjonalista uri sninek, qajjem lill-membri parlamentari mir-raqda llupjata li daħlu fiha, illumina lill-membri tal-eżekuttiv.
Oh Partit Nazzjonalista niggeż lil dawk li qajmu r-rewwixti u iftħilhom moħħhom biex jifhmu li b’dak li għamlu kienu l-kaġun ta’ dak li qiegħed fih il-partit imkisser issa. Oh Partit Nazzjonalista seddaq u fawwar lill-persuna oħra b’intelliġenża, b’argumentażżjoni, b’kapaċita, b’lealta’, b‘imħabba lejk biex jieħu f’idejh jew tieħu f’idea dan il-partit għażiż tagħna.
Oh partit glorjuż, dawn tal-lum ħafna agħar minn ta’ qabilhom, għax dawn ixandru l-firda huma stess. Dawn huma l-messaġġiera tad-diviżżjoni. Dawn huma n-nies li tant se jniżżluk bl-abbissi li jwassluna ngħidu – xi darba kien hemm Partit Nazzjonalista!
Il PN mimli bl-arroganti.