Anki fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Partit Nazzjonalista jrid joħloq ċittadini tal-ewwel u tat-tielet grad

Blog post minn osservatur politiku

Jista’ l-Partit Nazzjonalista jispjega xi tfisser din ir-reġistrazzjoni farsa li se jagħmel llum is-Sibt? Jista’ xi ħadd jgħidilna xi skop fiha din ir-reġistrazzjoni? Jiġifieri il-Partit Nazzjonalista qed jgħid lin-nies biex jiġu jagħtu isimhom ħalli meta jasal il-waqt li jkun fil-gvern, jerġa’ jaħdmilhom il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma u jaraw jekk insterqux u jekk insterqu jintgħataw refund? Jiġifieri biex nifhem sew, il-Partit Nazzjonalista se jagħmel differenza bejn dawk li jiġu jirreġistraw u dawk li ma jiġux?

Jekk intom se tagħmlu differenza bejn min jiġi d-Dar Ċentrali u dawk li ma jiġux, jien b’responsabilita’ insejħilkom ħallelin agħar mill-Partit Laburista jekk jirriżulta li hemm is-serq meta joħroġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.

Għaliex qed ngħid dan? Il-Partit fil-Gvern jekk qed juża sistema ta’ kalkulazzjoni qed jagħmilha ma’ kulħadd. Mela almenu qed jittratta lil kulħadd l-istess. Il-Labour jekk qed jisraq, qed jisraq lil kulħadd. Mhux qed jirranġa ebda kont, la ta’ min imur jgħidlu fid-Dar tal-Ħġieġ tagħhom u lanqas min ma jersaqx lejhom. Dawn qed jaħdmu sistema ugwali għal kulħadd, huma min huma, blu u ħomor.

Il-Partit Nazzjonalista b’din l-idea li ħareġ biha qed jagħmel differenza bejn min imur id-Dar Ċentrali u min ma jmurx. Imma intom bis-serjeta? Jekk il-Gvern qed jisraq lil kulħadd, kif ġejjin intom u tagħmlu l-għażla lil min tirrifondu? Kif se tkunu daqshekk ipokriti li biex jieħdu lura l-flus skont intom misruqa iridu jiġu d-Dar Ċentrali?

Tinsewx tiftħu l-bibien beraħ, tinsewx iġġibu ħafna voluntiera jgħinukom, tinsewx tarmaw ħafna mwejjed ħalli ma tħallux nies jistennew fil-kju. Tinsewx kif tkunu għaddejjin titolbu lil min jiġi jagħti donazzjoni ħalli intom tibdew tħallsu l-kontijiet pendenti tad-dawl u tal-ilma.

Min hu dan l-injurant, anżi gradwat fl-injuranza, li ħareġ b’ċuċata bħal din. Mela barra li taqsmu liċ-ċittadini blu u ħomor, issa se taqsmuhom b’min se jagħmel preżent fid-Dar Ċentrali u min se jiġi kkonsidrat absent għax ma jiġix.

Jiddispjaċini ngħid li ma niflaħx nisma’ aktar ħmerijiet ħerġin minn ċertu nies, mingħalihom inteliġenti, li hemm id-Dar Ċentrali jew dawk li qed jagħtuhom il-pariri.

Għaliex kif tkunu fiż-żifna ma tistaqsux li dawk li jiġu, jekk humiex tal-ewwel klassi jew tat-tielet klassi, jekk humiex Demokristjani jew Soċjalisti, jekk jaqblux ma’ l-abort jew le, jekk jivvutawx blu jew aħmar, jekk jaqblux ma’ Bernard jew ma’ Robert u ċuċati oħra li sirtu magħrufin għalihom.

Possibli dan tgħallimtu minn dawk il-politiċi kbar li ħaddnu l-valuri u l-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista? Possibbli din hi l-istrateġija li tafu toħorġu biha, li tikkonsisti biss li tgħaddu ż-żmien bin-nies? Possibbli m’intomx tindunaw li dan li qed tagħmlu lanqas hu legali? Possibbli ma tirrealizzawx li jekk tkunu fil-gvern tridu tirrifondu lil kull familja, lil kull min jirċievi kont? Possibbli li jekk tirrifondu lil min jiġi jirreġistra biss tkunu qed tmorru kontra kull loġika u kull liġi li teżisti fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna? Possibbli li l-għerf magħqud tal-amministrazzjoni preżenti sa hawn iwassalkom?

Ħuti Maltin dak li se jagħmel llum is-Sibt, il-Partit Nazzjonalista huwa biss stunt politiku. Jekk ikun fil-Gvern, ebda Prim Ministru u ebda pampalun li ħareġ b’din l-idea, ma jista’ jagħmel preferenza bejn familja u oħra li tkun ġiet misruqa mill-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Jekk hemm is-serq fuq kulħadd, irid jitħallas lura kulħadd mingħajr ebda eċċezzjoni.

Kif ma tifilħux tirredikolawh iżjed lil Partit? Ġibtuh Partit tal-mistħija. Wassaltu lin-Nazzjonalisti jgħidu li jistħu jsejħu lilhom infushom nazzjonalisti. Tal-biki.

One comment

Leave a Reply