Mark Anthony Sammut jirkeb fuq karru ta’ ħaddieħor rigward il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Jien ukoll għandi dritt għal ftit unur. Jien għandi dritt nipprova nerbaħ ftit punti allavolja meta bdiet din l-istorja ma kontx involut ħdimt kontra min ħadem fuqha. Illum jien wieħed mill-istar candidates tal-Partit Nazzjonalist allura importanti li nidher qed nagħmel xi ħaġa. Illum irrid nirkeb fuq il-karru ta’ ħaddieħor imma importanti li nidher li qed nagħmel xi ħaġa. Araw x’għamilt erġajt qajjimt mir-raqda storja li kont ktibt snin ilu. L-importanti li nidher u nuri li jien ta’ Bernard Grech u li qed nagħmel xi ħaġa.”

Hekk nistħajjel qed jgħid Mark Anthony Sammut wara li ġie leaked ir-rapport tal-awditur. Imma verament fil-politika, kif ħadd ma fadallu daqsxejn żejt f’wiċċu. Imma kif ma fadal ħadd li jistħi. Imma kif ma fadal ħadd li jirrikonoxxi x-xogħol ta’ ħaddieħor u dejjem jipprova jirkeb fuq kull karru, hu ta min hu u hu fejn hu li mhux tiegħu. Kemm hu mportanti li jidher dan il-kandidat ‘star’ tal-Partit Nazzjonalista. Qabel kien jidher ukoll jiġri u jitħabat għall-voti. Biss bi skop differenti. Ftit tax-xhur u snin ilu kien jiġri għall-voti biex itajjar il-kap tiegħu, Adrian Delia.

Għalkemm dan mhux imniżżel fil-lista tas-17 heroes irridu niftakruh ukoll bħala President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien kien, fl-arroganza tiegħu, saħansitra jwaqqaf milli jintervjeni l-kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia. Dan kien jagħmlu waqt li l-kap tiegħu, bilqiegħda ħdejh, kien qed jiġi attakkat mill-klikka valenuża li kissret il-Partit Nazzjonalista. B’dak li għamel dan il-kandidat star, kien kompliċi fit-tkissir u fil-ħela ta’ snin prezzjuż moħlija f’attakki oxxeni kontra l-iktar kap li laħaq b’mod demokratiku.

Araw x’qalilna Mark Anthony Sammut u rriflettu fuq kull kelma li kiteb ħa tifhmu l-iskopijiet moħbija tiegħu. Kien hu, jaħasra x’umilta’, li spjegalna x’kien qed jiġri fil-kontijiet. Ara ma jfettlilkomx taħsbu li kien hemm oħrajn jagħmlu dawn l-istudji u jżommukom infurmati. Le kollox hu. Kollox Mark Anthony Sammut. Dan kiteb hekk:

3 snin ilu spjegajt kif il-Gvern kien qed jisraq il-familja fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma bis-sistema l-ġdida ta’ kontijiet kull xahrejn. Dan wara li vverifikajna aktar minn 2,300 kont li tajtuna intom”.

Qrajtu sew x’qal hu. Hu spjega. Hu vverifika l-kontijiet. Issa emmnu lil min tridu. David Agius, Viċi-Kap, li kien qed jaħdem fuqhom qalilna li kellhom f’idejhom 1400 kont. Skond Mark Anthony Sammut, (dak li kollox hu), kellu f’idejh 2300. Għandu donnhom faqsu.

Mark Anthony Sammut kompla jieħu l-glorja għaliex L-Awditur Ġenerali tah raġun.

Illum l-Awditur Ġenerali tana raġun. Il-korruzzjoni u l-inkompetenza għandhom prezz, u qed inħallsu għalihom aħna

Biss imbagħad spiċċa bil-wegħda ta’ Bernard Grech. Ma qalilniex x’kien qal Dr Adrian Delia tliet snin ilu. Dak ma jinteressahx lil Mark Anthony għax dak qatt ma kien il-kap tiegħu.

Tkomplux tingannaw u tisirqu l-familji b’sistema inġusta. Jekk le, Bernard Grech iwiegħed li din mhux biss jikkoreġieha l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, imma anke jrodd lura lil kulħadd il-flus li nsteraq”.

Ħallina star candidate. Aħjar tfakkar lin-nies x’għamilt meta kont President tal-Eżekuttiv, tiskuża ruħek u tirtira dak kollu li għidt u għamilt għax kont wieħed mill-protagonisti tat-tkissir fil-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published.