X’inhu jistenna Jason Azzopardi biex jiftaħ kawża kontra l-Electrogas u l-Gvern?

Jason Azzopardi tella’ post fejn fih irrefera għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma wara li ġie leaked rapport tal-awditur minn The Times of Malta. Wieħed irid jgħid li dan ir-rapport kien u għadu f’fażi ta’ diskussjoni. Wara li dan ir-rapport ġie leaked , Jason Azzopardi tella’ dan il-post fuq il-Facebook page tiegħu:

“Dan il-kuntratt irid ikun attakkat fil-Qrati Maltin”. Din hija l-aħħar sentenza minn post li tella’ Jason Azzopardi ftit tas-siegħat ilu. X’int tistenna Dottore? Għadek ma mortx il-qorti biex tiftaħ il-kawża? Jekk inti daqstant konvint x’int taħsibha biex tiftaħ kawża lill-Gvern u lill-Electrogas? Int għandek kull possibilita’ bħala membru tal-Parlament bħalma għamel Dr Adrian Delia fil-każ tal-isptarijiet.

Fil-kitba tiegħek int għamilt stqarrija skjetta. Int għidt li “Dan huwa kuntratt korrott”. Mela tinsab konvint. Mela ma għandek ebda dubju. Mela m’għandekx minn x’hiex tibża? Come on Dottore!!! Ftit kuraġġ u faqqalhom kawża kif taf int.

Dr Jason Azzopardi tant qed jara serq sfaċċat li lanqas irid jemmen lil għajnejh. Naqbel miegħu li l-Oppożizzjoni talbet għal din l-investigazzjoni. Imma nesa jgħidilna Jason Azzopardi meta ntalbet din l-investigazzjoni fil-Public Accounts Committee ħalli nkunu nistgħu nifhmu aħjar. Jiftakar Dr Azzopardi minn xprunaha din l-investigazzjoni? Jiftakar kemm ħeġġeġ lil kulħadd Dr Adrian Delia biex din l-investigazzjoni ssir?

Mhux sewwa Dr Azzopardi li tgħid biss meta wasal ir-rapport u ma tagħtix indikazzjoni meta ntalab u min kien wara din it-talba. Dr Azzopardi meta nikteb jien dejjem nagħti lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri. Naħseb li tiżbalja meta tipprova taħbi l-verita’ għax bħal ma taf int l-istejjer hemm nies oħra li jafuhom bħalek u biċċiet mill-istejjer jista’ jkun li hemm nies li jafu iżjed minnek. Allura l-verita’ hija obligata u f’dan il-każ hija sagrosanta.

Ara xi ktibt int Dr Azzopardi: “Emmnuni ma nistax nemmen lill-għajnejja waqt li qed naqra r-Rapport tal-Awditur Generali mitlub mill-Oppożizzjoni fil-PAC, u mibgħut fis-6 ta’ Mejju, dwar kif u kemm qed NINSTERQU KULJUM meta nixtru l-elettriku mingħand Yorgen Fenech u l-korrotti sħabu, minflok mill-interconnector li huwa ħafna orħos”.

Ħlief li ma kontx sinċier u nqast issemmi kollox, fil-kalkoli li qed issemmi għandek raġun u hemm serqa sfaċċata (għallinqas milli naf li ġara lil xi ħbieb tiegħi). Sewwa għamilt li spjegajt kif qed jaħdem il-gvern u l-ingann ta’ kuntratti li ġew iffirmati, b’tali mod li l-elettriku qed jinxtara bil-għoli meta għandna l-isbaħ ċans li nixtruh ħafna inqas. Huwa wkoll sigriet magħruf li għax hemm irbit b’għoqda ssikkata ma’ għonq il-Gvern, il-poplu qed jinsteraq kull darba li jixgħel bozza fid-dar tiegħu.

Dr Azzopardi bħala avukat rinomat inħoss li għandek tkun fuq quddiem biex tagħmel din il-ġlieda legali. Kif ktibt inti stess, il-pajjiż xorta irid iħallas lill-Electrogas anke jekk nixtru l-elettriku mill-interconnector. U dan irridu nkomplu nagħmluh għal 18-il sena sħaħ. Dawn huma flus li l-poplu Malti u Għawdxi minħabba kapriċċ perikuluż li daħħalna fih il-Gvern Laburista, anżi, biex inkunu preċiżi, xi membri għoljin tal-Partit Laburista.

Dr Jason Azzopardi ‘you need to walk the talk’. Int l-uniku deputat tal-Parlament li ħriġt tgħid li s-soluzzjoni ta’ dan l-ingann irid isib is-serħan, f’kawża l-qorti. Inti qed tkun voċiferu fuq dak kollu li qed nitilfu, ninsterqu jew inbagħtu minn dawn il-kuntratti. Meta kellna serqa oħra, għax ma ħadna xejn minnhom, dwar l-isptarijiet kellna deputat li fuq iniżjattiva personali mar il-qorti waħdu.

Mela Dr Azzopardi ejja narawk taġixxi, ejja narawk il-qorti fejn għandek l-ispjeċalizzazjoni tiegħek, ejja nħossu l-preżenza tiegħek bħala membru fil-parlament billi narawk taġixxi f’isem il-poplu, ejja narawk twettaq bil-fatti dak li tikteb fuq facebook, ejja naraw jekk hux veru l-kuxjenza politika tiegħek verament tniggżek favur il-poplu.

One comment

Leave a Reply