Viva l-floaters

Blog post minn osservatur politiku

Viva dawk il-persuni li jagħtu mportanza reali għal dak kollu li jkun għaddej fil-pajjiż. Kemm hu aħjar li tara u tisma’, tanalizza u tirraġuna fuq dak li jpoġġulek quddiemek. Kemm sar jagħmel ħafna iżjed sens jekk tgħarbel dan kollu u ma tkunx parti minn dawk l-iffissati li jagħlqu għajnejhom u jemmnu jew jibilgħu dak kollu li jgħid il-Mexxej jew il-Kap tagħhom.

Viva l-floaters għax b’dawn la l-Prim Ministru u lanqas il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jidħaq bihom. Dawn huma dawk in-nies li ma jitfgħux rashom fir-ramel u jiġri x’jiġri madwarhom jibqgħu għomja fuq il-mexxej jew il-kap tagħhom. Dawn huma n-nies li qed jagħtu ftit sens lill-politika. Dawn huma n-nies li, għax mhux kull ma jagħmel il-mexxej jew il-kap tagħhom hu tajjeb, iżommu liż-żewġ partiti fuq ix-xwiek għax il-floaters iridu jkunu konvinti b’dak li qed jintqal. Il-floaters huma n-nies li jitolbu t-trasparenza mill-mexxejja Maltin. Dawn huma n-nies li jitolbu konsistenza mill-politiċi mhux jgħaddi kollox basta ġejja min-naħa tal-kulur tiegħi.

Viva l-floaters għax jafu li kull Partit għandu bżonnhom inkella, nini nini, jara l-Gvern. Dawn il-grupp ta’ nies, li kull ma jmur qed jiżdied, huma dawk li jxaqilbu l-miżien lejn partit jew ieħor. Għalhekk illum, għax qed tiżdied din il-faxxa ta’ nies, il-partiti politiċi ma għadhomx jieħdu kollox garantit. Għalhekk il-politiċi ma għadhomx jitkellmu qisu ż-żmien ta’ Mintoff, fejn kull ma jgħid Dom Mintoff, kien niżel direttament min xi bniedem sopranaturali, li ma seta’ jiżbalja qatt u f’xejn.

Viva l-floaters għax illum dawn il-grupp ta’ votanti qed iżommu lill-politiċi kollha Maltin u Għawdxin fuq il-ponot ta’ subgħajhom. Illum ftit għadek tisma’ politiċi li jgħidu li jridu għax jaħsbu li mhux ser jiġu kritikati jew attakkati. Il-floaters jitolbu konsistenza. Il-floaters illum ma jħallu ebda politiku jitlef il-fil tar-raġuni jew jargumenta kif irid jew kif jaqbillu. Il-floaters illum jisimgħu kull kelma li toħroġ minn kull ħalq ta’ politiku matur jew qed jibda, biex jiżnu jekk hux denju li jkun ir-rappreżentant tagħhom jew le. Veru li l-power ‘of incumbency’ tad-deputati għadha b’saħħitha imma xorta ma hemm xejn garantit.

Viva l-floaters li ma jħallux lill-politiku hu min hu, joqgħod mistrieħ matul is-snin imbagħad jitfaċċa lejlet l-elezzjoni biex mingħalih jaħtaf xi vot. Dawn il-grupp ta’ nies iriduk tkun attiv politikament matul il-leġislatura kollha, kemm jekk tkun deputat u anke jekk ma tkunx. Biex takkwista l-vot tagħhom trid taħdem għalih is-sena kollha, trid turi wiċċek u turi li int attiv, trid toffri l-ħsibijiet tiegħek u tkun preżenti f’kull ħaġa jew diskussjoni li titqajjem fil-pajjiż.

Viva l-floaters u viva s-saħħa u l-bilanċ li qed jagħtu lill-pajjiż.

Viva l-floaters għax illum il-partiti politiċi jafu li jistgħu jimlew l-akbar spazju f’Malta u Għawdex għax dik il-miġemgħa, kbira kemm hi kbira, xorta ma tagħtihomx ir-rebħa finali.

Viva l-floaters għax anke d-diskorsi u l-priedki tal-mexxejja tbiddlu, qed jiftħu l-argumentazzjoni ħafna iżjed biex tilħaq lil min għadu mhux konvint jew qed jiddeċiedi.

Viva l-floaters għax bis-saħħa tagħhom il-pajjiż infatam miż-żewġ kuluri prinċipali, aħmar u blu.

Viva l-floaters li qed jindunaw n-numri fuq il-karta tal-vot fihom sinifikat kbir u responsabilita’ kbira ħafna.

Viva l-floaters li għax in-numru tagħhom dejjem jikber, kull Malti u Għawdxi anki jekk mitluf fuq il-kulur tiegħu, irid jibda’ jifhem li biex jirbaħ il-partit tiegħu għandu jkun umli biżżejjed li jagħraf li bil-kelma t-tajba biss joħroġ il-far mit-toqba. Dak l-iffissat irid jifhem ukoll li ebda argument ta’ suppervja ma hu ser iressaq nies lejn il-post tal-votazzjoni jew biex jiktbu n-numri fejn jixtieq hu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *