Għaliex il-mażuni qed jissemmu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?

Niftakar li ftit qabel ma miet, kont għidt lill-ġurnalista Godfrey Grima li f’dan id-delitt hemm il-massonerija, kif ukoll hemm il-massonerija wara l-waqgħa ta’ Joseph Muscat. Ma kienx emminni. Niftakar jgħidli l-massonerija hija għaqda tal-boy scouts. Biss lejn l-aħħar ta’ ħajtu beda jikkonvinċi ruħu. Niftakar l-aħħar diskursata li kelli miegħu kienet fl-10 ta’ Frar 2021. Kien ċempilli u tkellimna anki b’SMS. Godfrey Grima kien qalli li baqa’ jaħseb fuq dak li kont għidtlu fuq il-Massonerija. Qalli llum ser inkun ir-razzett. Tista’ tiġi nieklu flimkien? Dak in-nhar ma stajtx. Wara marad u l-istorja ta’ Godfrey Grima jafha kulħadd.

Illum l-istorja qed tagħtini raġun wara dak li ħareġ il-bieraħ fil-qorti. Issa hemm xhieda li massonerija hija allegatament involuta f’dan id-delitt u fil-waqgħa’ ta’ Gvern u anki tal-kap tal-oppożizzjoni. Issa tafu f’but min qegħda l-media!

Il-persuna li ssemmiet f’dan kollu, u allegatament kien pustier tal-massonerija, sar divjit biex ismu ma jissemmiex.

Infakkar, ftit tax-xhur ilu, jien tellajt artiklu fuq dan is-sit fejn għamilt mistoqsijiet dwar ċertu Arthur li l-avukat William Cuschieri kien semma fil-qorti. L-avukat Arthur Azzopardi kien ħass li kont qed nirreferi għalih u għamilli libell. Qabbad l-avukat Joseph Zammit Maempel biex jirrappreżentah. Normalment l-avukat Zammit Maempel jagħmel il-kawżi ta’ libelli tal-PN u tal-familja Caruana Galizia.

Infakkar li fil-passat, kien hemm stejjer fil-media marbuta ma’ Arthur Azzopardi u l-massonerija. Jien ftit naf fuq il-kodiċi massoniċi għaliex mhux membru. Biss jista’ jispjega Arthur Azzopardi x’interess jista’ jkollha l-massonerija biex toqtol persuna? Qed nistaqsih din il-mistoqsija bħala l-persuna li kien membru ta’ loġġja massonika. Fuq kollox kien qal li kien telaq għaliex ried jirriforma lill-massonerija. Illum inħares b’wiċċi minn quddiem li jibda dan il-libell għaliex għandi ħafna mistoqsijiet x’nagħmel lil Arthur Azzopardi.

Infakkar li Daphne Caruana Galizia ma setgħetx kienet membru ta’  loggia massonika. Normalment, in-nisa mhux membri ta’ loġoġ massoniċi.  Infakkar li meta tela’ r-ritratt ta’ loġġja massonika. R’dan ir-ritratt kien hemm irġiel biss. Jekk niftakar dan kien ġie ppubblikat minn gazzetta lokali. Biss dan ir-ritratt ma nistax insibu aktar fuq l-Internet. Jekk xi ħadd żamm xi kopja nieħu gost jekk ningħata kopja.

Loġoġ massoniċi ftit hawn f’Malta. B’hekk il-pulizija ma tantx għandhom fejn jintilfu jekk verament iridu jaslu liema loġġja, jekk dawn ir-recordings huma minnhom, kienet wara dan il-qtil. Dak li hu żgur, li sallum, ma hemm l-ebda divjit li membri tal-ġudikatura ma jkunux membri ta’ loġoġ massoniċi.

Biss il-mistoqsija li trid issir hija din. Allura għala l-massonerija riedet toqtol lil Daphne Caruana Galizia?

One comment

Leave a Reply