Where your opinion counts

Jekk verament iħobbu s-saħħa tal-Għawdxin, għandhom jingħaqdu ma’ Adrian Delia kontra l-Vitals

Blog post minn osservatur politiku

It-tliet deputati Għawdxin marru quddiem l-isptar ta’ Għawdex fejn għamlu diskors kull wieħed bit-tema unika tkun l-isptar ġdid li suppost inbena ġewwa Għawdex. L-iniżjattiva skond Joe Ellis ittieħdet minn Chris Said li ġabar madwaru wkoll lil Kevin Cutajar u dawn it-tlieta qalu x’qed jagħmlu u kif qed jiġġieldu lill-Gvern biex iżomm kelmtu u jibni l-isptar ġdid ġo Għawdex.

Tajjeb li nitkellmu f’isem ħutna l-Għawdxin u jressqu l-ilmenti tagħhom bħala rappreżentanti tal-Għawdxin fil-Parlament u anke barra l-Parlament. L-isptar t’Għawdex ma jaqax taħt il-Ministeru ta’ Għawdex, u allura kif qalu sewwa t-tliet kelliema, il-mistoqsijiet li huma jagħmlu jindirizzawhom lil Chris Fearne, il-Ministru tas-Saħħa kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex. Qalulna t-tliet deputati tal-parlament li sikwiet jagħmlu mistoqsijiet parlamentari, jistaqsu direttament lil Ministru Fearne kull meta jkollhom il-possibilita’ u jsemmu fl-interventi tagħhom parlamentari dan in-nuqqas ta’ sptar ġdid ġewwa Għawdex. Jgħidu li jsemmu wkoll is-serq sfaċċat li qed jinsteraq il-poplu Għawdxi u jwasslu l-messaġġ li l-Għawdxin qed jibżgħu jidħlu l-isptar għax ma hemmx is-servizz tal-għola standard bħalma hemm ġo Malta.

Barra minn hekk Kevin Cutajar semma l-problema tal-pażjenti minħabba mard speċifiku, HIV, li dawn ikollhom jmorru Malta biex jiġbru il-mediċina meħtieġa. Joe Ellis semma wkoll in-nuqqas ta’ servizz ta’ MRI u allura l-Għawdxin ikollhom jiġu Malta biex jagħmlu dan it-test tant importanti. Dan kollu tajjeb u naqbel miegħu mija fil-mija.

Imma apparti dan it-twettiq ta’ dmirhom, x’qed jagħmlu konkretament biex dan l-isptar jinbena? X’qed jagħmlu konkretament biex is-servizz ġo Għawdex jitjieb? Jafu li Steward mhux se jaslu, tant li jafu wkoll li l-Gvern daħal f’diskussjonijiet u negozjati ma’ Steward biex jieħu l-isptar ta’ Għawdex lura.

Issa ħa nkunu ċari. Dawn ir-rappreżentanti Għawdxin jafu li għalkemm l-isptar San Luqa baqa’ magħluq, il-Maltin għandhom sptar, Mater Dei – state of the art – fejn jinqdew. Jafu wkoll li Karen Grech b’xi mod għadu jagħti servizz, li sfortunatament ma tjiebx. Imma jafu tajjeb ħafna li f’Għawdex hemm sptar antik, kien hemm il-wegħda ta’ sptar ġdid u ma sarx u jafu wkoll li s-servizz fl-isptar ta’ Għawdex ma tjiebx. Mela allura dawn, it-tliet membri tal-Parlament, misshom huma fuq quddiem u aktar voċiferi mill-Maltin f’din il-ġlieda fuq l-isptarijiet li jingħataw lill-barranin biċ-ċiċri u ma sar ebda żvilupp jew titjieb fihom.

Ser ikolli nistaqsi: fejn kien Chris Said meta Adrian Delia fetaħ kawża l-Qorti kontra l-Gvern u l-Vitals Global Healthcare fid-19 ta’ Frar 2018? Kien firmatarju ta’ dik il-kawża? Kevin Cutajar u Joe Ellis ma kienux membri tal-Parlament dak in-nhar, allura kienet ovvja li dawn ma setgħux ikunu parteċipi f’dik il-kawża. Biss issa membri tal-Parlament. It-tnejn huma avukati. Nistaqsihom jekk qattx marru jsostnu lil Dr Delia fil-kawża li fetaħ kontra l-Vitals. Il-verita hija li din il-kawża, Adrian Delia qed jiġġielidha WAĦDU. Waħdu qed jiġġielef biex jġib lura f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin, it-tliet sptarijiet fosthom dak ta’ Għawdex.

Infakkar li Dr Adrian Delia fetaħ din il-kawża f’isem il-Maltin kif ukoll l-Għawdxin. It-tliet rappreżentanti Għawdxin huma t-tlieta avukati, u bħala tali, naħseb li jafu s-serjeta’ tal-kawża u r-riperkussjonijiet jekk tintilef x’jinkludu u x’isoffri. Allura għala għadhom ma ngħaqqdux ma’ Dr Delia f’din il-kawża? Jekk verament iridu jagħmlu xi ħaġa konkreta għal Għawdex u għall-Għawdxin, din għandhom jagħmluha bil-fatti, billi jsiru parteċipi f’din il-kawża.

One thought on “Jekk verament iħobbu s-saħħa tal-Għawdxin, għandhom jingħaqdu ma’ Adrian Delia kontra l-Vitals

  1. Dalwaqt ahna IL Maltin se nibdu ingergru li IL Prim izjed qed jiehu hsieb Ghawdex min Malta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *