Il-politika tribali u s-saħħa pubblika
Il-bieraħ, Claudio Grech kien irrappurtat li qal li din il-politika tribali trid tieqaf. Ma għadx hemm post għalija. Ftit tar-raġun għandu żgur. Biss nixtieq infakkar li kull kitba li qed naraw bħalissa li tkun fuq xi argument politiku qed tiġi kkritikata għax qed jingħad li qed naħlu ħafna enerġija għal xejn għax issa rridu nikkonċentraw biss fuq il-pandemija. Ċertu nies qalulna biex inwarrbu l-politika f’dan iż-żmien meta saħħitna qed tiġi milquta. Forsi dawn in-nies għandhom ftit raġun u l-pandemija rridu nagħtuha l-importanza kbira li jixirqilha imma d-dinja, għalkemm maħkuma minn diżastru totali, xorta trid tibqa’ iddur u xorta rridu nitkellmu fuq affarjijiet ta’ interess ieħor u li jippermettulna nibqgħu ngħixu ta’ kuljum.
Ħa naraw l-pandemija hawn Malta x’għamlitilna u kif qed tolqotna politikament. Iż-żewġ persuni prinċipali li qed insegwu, bħal ma nagħmlu fuq affarjiet oħra, huma l-Prim Minstru Dr Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Grech. Donnu n-narrattiva tagħhom hija mibnijja fuq in-narrattiva tal-istazzjonijiet tagħhom. Mela tisma’ lil Dr Abela u l-ONE News taħsbek qiegħed tgħix fi stat fejn il-pandemija qed nirbħulha u kull ma nagħmlu qed jirnexxielna nrażżnuha u kulħadd qed jgħix tajjeb fiċ-ċirkustanzi tal-lum. Taqleb ic-channel u tisma’ lil Dr Bernard Grech u lin-NET TV u meta jitkellmu fuq il-pandemija taħsbek qed tgħix fi stat ieħor u dak kollu li qed isir huwa kollu ħażin, tlifna moħħna u Malta qed tgħix f’diżastru totali.
Tistgħu tgħiduli jekk aħniex ngħixu fuq l-istess gżira? Tistgħu tgħiduli għaliex dak li nisimgħu għandu jkun daqshekk differenti minn xulxin? Fuq din il-gżira żgħira teżisti triq tan-nofs politikament? Anke fuq pandemija, marda qattiela, irridu nilgħabu l-logħba politika? Possibbli anke fuq xi ħaġa serja bħal din ma aħniex kapaċi ngħidu tajjeb dak li hu tajjeb u ħażin dak li hu ħażin? Possibbli li dawn it-tnejn min-nies il-ħsieb prinċipali tagħhom hu li tirbaħ il-voti fl-elezzjoni ġenerali li ġejja jew ukoll tibża’ li ser titlef xi voti?
Jien nistenna li l-logħba politika tintlagħab fuq kull livell u li tipprova tiskorja punti politiċi huwa aċċettabbli imma ma nista’ qatt naċċetta li din tintlagħab u tipprova tagħmel gwadann fuq il-mard u l-mewt. Din li ma naslux biex inħabbtu l-ideat u rasna ma’ xulxin biex forsi nsibu flimkien triq ta’ fejqan u servizz mediku aħjar, jien ma tinżilli qatt. B’idi fuq qalbi ngħid lill-politiċi AQTAW DAWN IL-BATTIBEKKI U SIBU S-SOLUZZJONIJIET FLIMKIEN.
Aħna ċ-ċittadini rridu l-aħjar għalina. Aħna rridu l-aqwa kura li qed toffri d-dinja tiġi offruta hawn Malta wkoll. Aħna rridu li kull persuna tirċievi attenzjoni medika tal-għola livell. Aħna rridu nirċievu t-tilqima kemm jista’ jkun malajr. Aħna rridu ġustizzja u trasparenza fit-tilqim. Aħna rridu li ma jsirux preferenzi ma’ min ma jistħoqqlux. Aħna rridu nserrħu rasna li kull ċittadin Malti u Maltija jieħu dak li hu tiegħu jew tagħha fil-ħin propizzju. Aħna rridu li t-tilqim isir b’mod ordnat, mingħajr periklu għal saħħitna, b’loġistika li tagħmel sens u li kulħadd jieħu t-tilqima meta jmissu.
Mingħand aħna rridu trasparenza assoluta mill-Prim Ministru. Aħna rridu nkunu nafu l-verita’ kif inhi u mhux bit-tidwir tad-diskors. Aħna rridu nkunu nafu dak li tista’ toffrilna mingħajr ħafna diskors fieragħ. Verament li kollox sejjer tajjeb fit-titqib? Għaliex dan l-inkoraġġiment mill-prim ministru biex in-nies imorru jittaqbu? Jaqaw in-nies qed jitilfu l-fiduċja? Għaliex hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni fejn persuni li ħadu titqiba mod, meta ġew għat-tieni waħda, offrewlhom titqiba ta’ ditta oħra?
Mill-Kap tal-Oppożizzjoni ma rridux nisimgħu li wasslet l-aħħar tad-dinja. Il-kap tal-Oppożizzjoni għandu jieqaf ikun daqstant negattiv. Għandu jieqaf jgħid li dak kollu li sar mill-gvern huwa kollu ħażin. Għandu jieqaf iparla fil-vojt u bla sens u għandu joffri kull għajnuna mingħajr ebda kundizzjoni jew konvenjenza. Il-paroli żejjed ma nistennewhx bħalissa. Issa rridu ftit kliem ta’ wens, ta’ tama, ta’ kuraġġ mhux ‘doom and gloom’. Għandu jikkritika fuq hemm bżonn u jagħti l-proposti tiegħu mill-aktar fis u b’mod konkret.
Jekk verament Claudio Grech jemmen li l-politika tribali għandħa tispiċċa, għandu jibda billi jara li din isseħħ, l-ewwel u qabel kollox fil-Partit Nazzjonalista.