Il-magna u x-xufier fil-Partit Nazzjonalista
Blog post minn Osservatur Politiku
Meta tibda tiftakar kemm blajna paroli u ċuċati, tibda tgħid imma possibbli konna daqshekk imżażen. Tiftakruha ‘gas down ġol-ħajt’. Kemm ġejna nkoraġġuti mill-kelliema Nazzjonalisti fl-2013 biex ngħidu magħhom dan il-kliem. Niftakar ħafna kelliema kienu dejjem jaraw kif idawru d-diskors tagħhom biex fl-aħħar ngħajtu flimkien ‘gas down ġol-ħajt’. Ovvjament fil-kampanja tal-2013, Simon Busuttil kien il-Viċi-Kap u b’hekk kien jitkellem f’kull meeting li kien ikun hemm. Simon Busuttil kien iħeġġiġna biex ngħidu miegħu jew bħalu dan il-kliem.
Wara l-elezzjoni bdew ħierġin ħafna stejjer, fosthom li l-amministrazzjoni tal-partit, kienet taf li ġejja tkaxkira imma mhux b’dak in-numru. Allura meta tiftakar, tibda tgħid imma kif stmana b’dan il-mod Simon Busuttil. Il-lum dik il-għajta għadha tinstema u tintqal minn diversi esponenti, membri u nies b’xaqliba politika totalment differenti. Issa qed tintqal minn nies favur il-Partit Laburista. Il-lum taqra’ u tisma’ dak il-kumment minn għand Laburisti li jsawtu lin-Nazzjonalisti bl-istess frażi li Simon Busuttil kien qed isawwat lill-Partit Laburista.
Kontra qalbi jkolli ngħid li għandhom raġun. Qrajt kumment fuq il-media soċjali li għoġobni ħafna. Mela dan li kiteb il-kumment qal li hu jxebbaħ lill-Partit Nazzjonalista ma’ karozza li fl-2013 inqalalha l-inkwiet fil-magna. Wara li ġie diskuss kif se tissolva l-problema ta’ din il-magna, id-deċiżżjoni kienet li tinbidel il-magna u magħha jinbidel ukoll ix-xufier. U hekk ġara. Il-mechanic ħa ż-żmien tiegħu u poġġa magna oħra. Kulħadd ħaseb li l-problema solvuta u l-karozza se ikollha żmien quddiemha li se tkun qed tagħti riżultati u ġirjiet tajbin. Imma ma kellux ikun hekk għax sikwiet kien jinqalalha l-inkwiet. Daqqa jisslipja l-clutch, daqqa ma tkunx trid tistartja, daqqa tisħon, u xi nkwiet ieħor. Kulħadd kien kelma waħda, imma din l-imbierka magna m’hemmx li tieħu r-ruħ u taħdem tajjeb forsi naslu biex nirbħuha dik l-imbierka tellieqa. Għalkemm kien hemm appoġġ qawwi lejn ix-xufier u għalkemm iddawwar b’ħafna nies li jifhmu u għalkemm kellu miegħu żewġ co-xufiera li bi kliem taż-żokkor, meta wasslet is-siegħa tal-prova reġgħu ħadu tkaxkira madornali.
Ix-xufier li kellu ħabta jiddeċiedi kollox hu, anke fuq l-ispare wheel, f’daqqa waħda sparixxa u ħalla kollox għal rieħu. Reġa’ saret diskussjoni u bdiet il-proċedura biex terġa’ tinbidel il-magna u ovvjament ix-xufier magħha. Biss ix-xufier l-antik, dak ix-xufier li kien ser joħodlu postu tah f’għajnu mill-ewwel. Flok għinu beda jagħmillu litteralment il-bsaten fir-roti. Ix-xufier il-ġdid kull darba li jipprova jagħmel xi ħaġa għall-aħjar fil-karozza tiegħu kien isib, b’mod sfaċċat min jagħmillu xi saram.
Peress li x-xufier ta’ qabel kif għidt tah f’għajnu, beda jikkonfoffa ma’ dawk li kienu ilhom fit-tlielaq, u wara li għaqqad kukkanja madwaru, bdew jagħmlu rivolti kontra x-xufier il-ġdid. Tant bdew jivvintaw kif ser jagħmlulu ħsara huma stess fil-magna tal-karozza, tant bdew jgħidu li dik il-ħsara beda jagħmilha x-xufier il-ġdid għax ma jafx isuq, li fl-aħħar il-membri tal-club tagħhom qalu aħjar nibdlu l-magna u x-xufier qabel tasal it-tellieqa. B’alleċċ irnexxielhom. Sabu wieħed u imbuttawh kemm felħu. Kemm kien tajjeb ftit li xejn interesshom. Jekk kellux xi ħabta li setgħet ittellef iċ-ċansijiet tiegħu, ma tawx kashom, anżi raw kif jgħinuh jgħattihom u jsolvihom. Insomma tant nefħuh, tant faħħruh, tant qalu li hu ser ikun li se jrebbaħhom, li kkonvinċew tant membri u ntagħżel.
Dan ħa l-isteering f’idejh imma mill-ewwel wera li m’huwiex all’altezza. Imma xorta kellhom jitqannaw bih, la għażluh. Għalkemm l-affarijiet mhux qed jitjiebu u la x-xufier u lanqas il-magna ma huma sejrin tajjeb, ma għamlux bħal ta’ qablu u qalftuh, imma għadhom jippruvaw iġebduh ‘l hawn u ‘l hemm forsi joħroġ b’waħda tajba. Imma l-magna mhix treġġi u l-karozza ta’ sikwiet qed tieħu xi waħda ġol-ħajt. Imma għax bidlu x-xufier u l-magna qabel iż-żmien issa dawn ma jridux jammettu li ħadu falza stikka u ser jersqu għat-tellieqa b’xufier u b’magna żmanġata.
Allavolja l-magna tregħdet bl-ikrah fl-2013 u fl-2017, il-klikka għadha trid tagħżelu hija l-magna u x-xufier allavolja jafu li għamlu żball kbir meta biddlu ta’ qabel b’dak li għandhom issa. Biss xorta lesti li jmorru għal telfa ċerta basta ma jitilqux l-isteering minn idejhom.
Nispera li qed jifhimni tajjeb Simon Busuttil. Hu kien il-bidu tan-niżla qawwija li qabad il-Partit Nazzjonalista. Nispera, nittama u nitlob li ma jitħajjarx li jipprova jersaq lejn din il-karozza biex jerġa jsir ix-xuffier tagħha.