Where your opinion counts

Adrian Delia oskurat fil-gazzetta n-Nazzjon: bil-provi

Blog post minn osservatur politiku

Se nagħmel ħalfa pubblika. Jiena qatt iżjed ma se nixtri l-gazzetta n-Nazzjon. Mis-snin sebgħin jiena dejjem niġri bin-Nazzjon f’idejja, anke meta kienet l-In…Taghna. Minħabba f’hekk soffrejt konsegwenzi imma dejjem bqajt wieqaf dritt għax kont kburi li jien Nazzjonalist. Imma din il-ġimgħa, għax indunajt, il-media tal-Partit saret, fl-opinjoni sinċiera tiegħi, oxxena. Ma nistax naċċetta li l-ġurnalisti, l-edituri jew min qed jindaħħlilhom, jagħmlu differenza bejn ir-rappreżentanti tagħna. Ma nista’ naċċetta qatt li jagħmlu differenza u ma jirrapurtawx diskorsi li saru minn deputati fil-parlament.

Dawn id-diskorsi kollha magħmulin fl-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna jridu jiġu koperti u rrapurtati kollha. It-Tnejn 17 ta’ Mejju 2021 fil-Parlament tressaq għad-diskussjoni t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Pulizija. Kellna diskors magħmul minn Beppe Fenech Adami. In-Nazzjon fil-ħarġa tagħha tal-Erbgħa 19 ta’ Mejju 2021 ippublikat rapport ta’ kważi paġna sħiħa dwar dak li qal Beppe Fenech Adami jumejn qabel. Naħseb li kkopjaw kollox minn fuq it-transcripts tal-istess parlament għax kważi d-diskors kollu ġie rappurtat.

It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2021 fil-Parlament kien hemm diskussjoni fuq l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar ir-reġistrazzjoni ta’ artijiet. Min-naħa tal-Oppożizzjoni kellna tliet kelliema Beppe Fenech Adami, Adrian Delia u Joe Ellis. L-Erbgħa 19 ta’ Mejju, 2021 kompliet id-diskussjoni fuq ir-reġistrazzjoni ta’ artijiet u tkellmu Chris Said u Kevin Cutajar. Ħa naraw dawn il-bravi tan-Nazzjon x’għamlu, mingħajr mistħija ta’ xejn.

Il-Ġimgħa 21 ta’ Mejju 2021 ġew irrapurtati tliet kelliema fil-ħarġa tan-Nazzjon. Reġa’ ħa rapport tajjeb Beppe Fenech Adami. Koprew ukoll lil Chris Said u lil Joe Ellis. Oħroġ il-għaġeb ma sabux post fejn jirrapurtaw dak li qal fin-nofs siegħa li tkellem Dr Adrian Delia. Hija xi ħaġa tal-mistħija li diskors tajjeb ħafna minn deputat jinqabeż. Dan sar bi skop. Dak kollu li qed isir kontra Dr Adrian Delia qed isir b’sistema maħsuba u oxxena.

Qed ngħid lil media kollha u lil Alessandro Farrugia, Direttur Informazzjoni, li nafu li kontinwament jindaħal f’dak li jixxandar fuq kull mezz ta’ xandir li għandu l-Partit Nazzjonalista, li intom tgħaffġu u aħna n-Nazzjonalisti vera nirribattu. Qed taqbżu diskorsi ta’ ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista u dan huwa nperdonabbli. Qed tkunu oxxeni fid-deċiżżjonijiet tagħkom. Huwa tal-mistħija kif Dr Bernard Grech iħalli dawn l-affarijiet moqżieża jsiru quddiem imnieħru u ma jirribatti xejn.

Huwa dmirek Dr Grech li ma tarax li ma jsirux preferenżi ma’ ħadd. Huwa dmirek Dr Grech li tara li kull deputat għandu jiġi stmat b’mod ugwali. Huwa dmirek Dr Grech li tara li kull deputat li jitkellem fil-parlament jiġi rrapurtat b’mod ekwu fuq il-gazzetta tal-Partit. Huwa dmirek Dr Grech li tara li ma tiġix immexxi minn nies diviżivi li qed jagħmlu ħafna ħsara lill-Partit tagħna. Huwa dmirek Dr Grech li twaqqaf ir-rappreżentant jew rappreżentanti tas-Soċjeta Ċivili jew ta’ Repubblika, li l-ħin kollu jiddettaw ġod-Dar Ċentrali.

Huwa dmirek Dr Grech li ma tużax ir-riga preferenzjali fit-tmexxija ta’ Partit Nazzjonalista li mhux tiegħek. Huwa dmirek Dr Grech li ma tibqax pupazz f’idejn dawk li poġġewk fuq dak is-siġġu. Huwa dmirek li tistma’ lil kulħadd l-istess, speċjalment issa li qiegħdin lejlet elezzjoni ġenerali.

Jekk tħoss li m’intiex qed tasal għal ugwaljanza fost il-kandidati kollha li se joħorġu f’isem il-Partit, warrab. Jekk tħoss li ma tistax tikkontrolla n-nuqqas ta’ parita u ugwaljanza fil-partit, warrab.

Illum tajtek l-ewwel eżempju oxxen. Jekk ebda azzjoni ma tittieħed min-naħa tiegħek, bħal ma int obligat li tagħmel, ser insusu fuqek u nkomplu nikxfu l-qerq, l-aġendi u t-trattament oxxen li n-nies ta’ madwarek qed jagħmlu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *