Il-każ tal-Ministru Carmelo Abela

Carmelo Abela nqabad bejn żewġ blatiet iebsa. Il-Prim Ministru qed jipprova jaqilgħu minn din il-morsa. Imma fuq xix qed jibbaża kollox il-Prim Ministru?

Jinkwetani l-fatt li l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lill-ministru tiegħu skont dak li qed jgħidlu l-ministru stess. Nifhem li dan hu anki ħaż politiku. Biss qatt ma qalilna l-Prim Ministru jekk talabx jew għandux informazzjoni mill-pulizija fuq dak li ħareġ mill-interrogazzjonijiet li kellu Abela mal-pulizija jew minn investigazzjoni oħra. Infakkar li l-Prim Ministru huwa wkoll il-kap tas-servizz sigriet. U fuq kollox, qatt ma qalilna jekk il-pulizija għandix informazzjoni fuq dan il-każ minn persuna jew persuni oħra imma din l-informazzjoni ma tistax tintuża bħala xhieda f’qorti għaliex hija biss ‘detto del detto’.

Biss xorta li f’każi bħal dawn irridu noqogħdu attenti kif niġġudikaw. L-ewwelnett il-qasba ma iċċaqċaqx għalxejn. Imma fl-istess ħin irridu naraw min qed iċċaqċaq din il-qasba. Hemm ukoll l-fatt li biex tieħu deċiżżjoni fuq kwalunkwa ħaġa trid tkun taf iż-żewġt iqniepen. F’dan il-każ ma għandniex tnejn imma hemm numru ta’ qniepen li lanqas naħseb li aħna l-pubbliku ma nafu kemm huma.

Ma nħobbx niġġudika bniedem fuq dak li nisma’ jew naqra għax ma nħossx li hu xieraq. Imma lanqas jien lest li niddefendi persuna jekk nisma’ l-qanpiena tiegħu biss.

Il-problema din id-darba hija li l-informazzjoni li ħierġa fuq il-Ministru Abela donnha ġejja minn xaqliba pjuttost dubbjuża. Biss dan ma jfissirx li ma tistax tkun vera. Il-biża ta’ din l-istorja hija li l-għajdut li ħiereġ huwa allegatament ġej minn nies li jistgħu jakkwistaw xi ħaġa fuq livell personali jekk ikomplu jparlaw.

Allura dawk li ma humiex involuti, bħalna l-pubbliku, ma nistgħux naslu għal ebda konklużjoni għax diffiċli nkunu nafu jekk hemmx xi logħba li qed tintlagħab wara l-kwinti. Biss lanqas hu sewwa li l-Prim Ministru jfajjar dikjarazzjoni, li hu mhux se jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-Ministru Abela, fuq attakk kordinat mill-Partit Nazzjonalista u l-kriminali.

Jiġifieri kull min hemm fil-Partit Nazzjonalista qiegħed fis-sodda mal-kriminali? Din tinstema dikjarazzjoni ta’ arroganza min-naħa tal-Prim Ministru. Li kieku l-Prim Ministru llimita d-dikjarazzjoni tiegħu u qal li hu se jieħu deċiżżjoni meta jkollu l-fatti kollha f’idejh, hemm kont nasal biex naqbel miegħu. Imma huwa qed jiżballja bil-kbir meta jiddikjara b’mod ġeneriku li l-Partit Nazzjonalista kollu jaħdem id f’id mal-kriminali. Dik hija dikjarazzjoni oxxena u l-Prim Ministru għandu jirtira.

Jekk il-Prim Ministru jrid ikun korrett u jaf b’xi membru parlamentari, kandidat jew xi ħadd mill-amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista li qed jikkordina mal-kriminali f’attakki fuq il-Ministru Abela, għandu jkollu il-kuraġġ u jsemmi lill-individwu, mhux iċappas lil kulħadd b’dan il-livell ta’ ħmieġ.

Mhux is-soltu naqa’ f’dan il-livell imma meta tisma’, skont dak li kitbet il-Malta Today, lil Prim Ministru jgħid li l-Partit Nazzjonalista ma għandu xejn x’joffri lill-pajjiż u għalhekk qed jikkonfoffa mal-kriminali, l-uniku messaġġ li nieħu huwa li l-Prim Ministru qed iħossu dahru mal-ħajt fuq dan il-każ. Il-Prim Ministru tilef kull argument politiku, kull argument legali u qed jispara fl-ajru u qed jinsa li dak jista’ jiġi f’wiċċu.

Qawl Ingliż jgħid, ‘the best way of defence is to attack’ u hekk qed jagħmel il-Prim Ministru bħalissa. Jekk m’għandux provi fuq il-Ministru Abela, m’għandux għalfejn joqgħod jattakka lill-avversarju tiegħu. Biss jekk hemm provi, aktar milli jattakka, il-Prim Ministru għandu jieħu l-passi kollha, kemm politiċi u anki ġudizzjarji biex jara li jsir ħaqq skont il-liġi.

Leave a Reply