Ġrajja differenti għal żewġ nisa favur l-abort fil-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Żewġ nisa urew ix-xewqa tagħhom li joħorġu bħala kandidati tal-Partit Nazzjonalista. It-tnejn qalu lill-Partit Nazzjonalista li huma jridu jkunu kandidati fuq id-9 u l-10 distrett. It-tnejn ġew aċċettati. Biss waħda kellha tirtira l-kandidatura tagħha u l-oħra diġa qed tippontifika dwar kemm se tkun ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista.

Imma issa rridu nifhmu kif taħdem din il-klikka li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Lil waħda prattikament keċċewha u lill-oħra għollewha. Żewġ każijiet identiċi ta’ nisa li jridu jaħdmu fil-Partit Nazzjonalista. Iżda x’hemm aktar attrajenti f’waħda aktar mill-oħra? Il-klikka tħares lejn il-kandidat mill-angolu ta’ liema minnhom kienet voċifera kontra Adrian Delia.

Mela ejja nħarsu lejn dawn iż-żewġ nisa f’din is-sitwazzjoni. Id-Dottoressa Emma Portelli Bonnici kienet waħda minn dawk l-erbgħa min-nies li ffirmaw u kienu l-faċċata wara l-vot ta’ sfiduċja ta’ kważi sentejn ilu, kontra Adrian Delia. Din kienet voċifera ħafna kontra l-kap tagħha dak iż-żmien, Dr Adrian Delia. Din kienet ukoll is-segretarja tal-MŻPN, il-fergħa li ħarġet qatta bla ħabel kontra Dr Adrian Delia. Kienet ukoll fl-eżekuttiv u kienet waħda minn dawk li qatt ma aċċettat lil Dr Adrian Delia, Clyde Puli u Pierre Portelli.

Niftakarha tajjeb ħafna titkellem fl-eżekuttiv dak iż-żmien. Mela x’għandha vantaġġ kbir din l-avukatessa. Din meqjusa bħala waħda mill-klikka u allura tal-qalba.

Is-Sinjura Tiffany Abela Wadge, illum ex-kandidat, kienet ukoll kontra Adrian Delia imma b’mod indiskret. Kellha ħsibijet differenti mill-kap tagħha dak iż-żmien imma ma kienetx tgħajjar u ma kienetx tikteb kontra tiegħu sfaċċatament. Ma kienetx taffronta b’kattiverja u qatt ma tefgħet wiċċa fuq quddiem biex tiffirma xi vot ta’ sfiduċja fil-kap tagħha. Mela din ma kienetx waħda mill-klikka. Mela x’ġara issa fil-Partit? Lil Abela Wadge, li għax marret fuq media titkellem u għax tkellmet fuq is-suġġett tal-kontraċettivi, bagħat għaliha Dr Francis Zammit Dimech u qalilha biex ma titkellimx fuq dawn l-affarijiet għaliex ma humiex parti mill-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.

Oħroġ il-għaġeb, Dr Bernard Grech seraq l-idea tagħha, u nhar il-Ħadd qal li kif ikun fil-gvern ser iqassam il-kontraċettivi b’xejn liż-żgħażagħ kollha ‘l fuq minn sittax-il sena. Fi żmien ftit ġranet il-kap qal eżatt dak li kienet qalet Abela Wadge. Din l-ex-kandidata ma tistax tifhem kif hi ġiet dixxiplinata. Abela Wadge ma felħitx iżjed u rtirat il-kandidatura tagħha u ftit wara Dr Grech ħareġ jgħid eżatt bħalma qalet hi.

Allura issa Francis Zammit Dimech se jiddixplina l-Kap tiegħu stess? Se jgħidlu lil Dr Bernard Grech li t-tqassim tal-kontraċettivi ma humiex parti mill-aġenda tal-Partit? Lil Emma Portelli Bonnici xandret li l-Partit Nazzjonalista aċċetta l-kandidtura tagħha, allavolja jafu li din il-mara hija wkoll voċifera favur l-abort. The mind boggles jgħid l-Ingliż. U veramanet il-moħħ jitħawwad u ma jkunx faċli tifhem.

Qed ngħid dan għax il-Partit Nazzjonalista fl-istatut tiegħu jgħid li “il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex: kulħadd jiżviluppa u jħares saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs”. Il-mistoqsija tiġi waħidha: jekk għandek dan miktub fuq il-vanġelu tiegħek, kif tista’ taċċetta kandidata li b’mod miftuħ u ma kulħadd u anke fuq Facebook, tikteb li hi favur l-abort? Kif jista’ l-Partit jaċċetta kandidata li tmur kontra l-prinċipji tal-Partit?

Tgħid Louis Galea x’qed jgħid fuq din il-kandidatura li tmur kontra dak li kiteb hu? Qed taraw kif taħdem il-klikka u kif jiġu ppremjati dawk in-nies li ħadmu kemm felħu kontra Adrian Delia. Qed taraw kif kandidata bi prinċipji mhux aċċettabli u kontrastanti ħafna mal-istatut xorta tiġi aċċettat u għax l-oħra kienet indiskreta ma riedetx tifforma parti minn ebda klikka, ħadulha l-ideat u warbuha, sakemm qatgħet qalbha u telqet.

Ir-riżultat hu ċar: il-kandidata tal-klikka ħadet post l-oħra fuq l-istess distretti.

Leave a Reply