Il-Prim Ministru jqassam il-vouchers u l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid li jitqassmu l-condoms

Blog post minn osservatur politiku

Mela il-Partit fil-gvern qed jieħu ħsieb liż-żgħażagħ billi jagħtihom il-vouchers ħalli jkollhom servizz ta’ IT tajjeb u jkunu jistgħu jistudjaw, jikkomunikaw u jattendu lezzjonijiet online. Fil-waqt li l-Partit fl-oppożizzjoni qed jibagħtilhom messaġġ li huwa se jgħinhom billi jtihom il-pillola u l-condoms ħalli meta jagħmlu s-sess ma jkollhomx inkwiet, kemm lilhom infushom, lil familthom u lill-pajjiż.

Jiena favur l-edukazzjoni u nemmen li kull min ikun fil-gvern għandu jiddedika l-akbar ammont ta’ flus għall-edukazzjoni ta’ kull Malti u Għawdxi. Dan għandu jkun l-għan prinċipali ta’ kull politiku li jibni l-pajjiż fuq it-tagħlim. Il-qafas edukattiv huwa l-pedament ta’ kull pajjiż u kull politiku għandu joħlom li jmexxieh ‘l quddiem.

Politiku ma jistax tippriedka u jisħaq li trid lil Malta l-aqwa fid-dinja mingħajr ma jinvesti bil-goff fl-edukazzjoni tal-poplu kollu. U la nemmen fl-edukazzjoni għal kulħadd, nemmen ukoll li l-edukazzjoni għandha tibda minn eta żgħira ta’ tarbija sal-mument fejn il-bniedem ikun għadu qed jieħu n-nifs. Il-moħħ ta’ kull persuna mhux qiegħed hemm għall-apparenza imma qiegħed biex jixrob bħalma tixrob karta xuga, sa lanqas qatra.

Biss nistaqsi min, minn dawn iż-żewġ politiċi qed jinvesti bis-serjeta’ fl-edukazzjoni ta’ uliedna? Jiddispjaċini nisma’ dawn l-ereżijiet ħerġin minn politiċi Nazzjonlisti li suppost huma front liners fix-xena politika ta’ pajjiżna.

Biss nemmen li meta Bernard Grech tkellem fuq it-tqassim tal-kontraċettivi qabeż ħafna stadji fil-ħajja taż-żgħażagħ. Seta’ jgħidilna kif ser jipprepara lix-xebbiet u l-ġuvintur għal din l-esperimentazzjoni tal-ħajja sesswali. Nafu li xorta ser jidħlu għaliha għax in-natura umana hija dik li hi. Biss kull azzjoni umana għandha l-konsegwenzi tagħha.

Kemm kien ikun aħjar, kieku Bernard Grech enfasizza l-ewwel li ż-żgħażagħ jieħdu l-edukazzjoni meħtieġa qabel iqassam il-kontraċettivi qishom pastizzi! Jiena jiddispjaċini li f’pajjiżna qed nittrattaw il-politka b’dan il-mod. Meta nirrifletti, nibda ngħid li ma jistax ikun li hemm nuqqas ta’ maturita’ bħal din. Ma nistax nemmen li bniedem li għadda snin jagħti l-pariri liż-żgħażagħ li qed jersqu għas-sagrament taż-żwieġ joħroġ b’deċizzjoni politika bħal din.

Nista’ nimmaġina li hawn uħud li ma jaqblux miegħi u għandhom kull dritt. Imma jiena naħseb li qed inpoġġu l-karettun qabel iż-żiemel. Il-pajjiż għandu sfida kbira u obbligu qawwi lejn l-istudenti tiegħu. L-ewwel deċiżżjoni politika li għandha tittieħed hija li nressqu u nsibu ħin fl-aġenda skolastika li ninfurmaw, naqsmu l-idejat, nedukaw u anke ngħallmu aktar liż-żgħażagħ tagħna. Naf li ġa qed isir ħafna fuq it-tagħlim sesswali tal-persuna umana, biss naħseb li jekk ħareġ bi proposta bħal din allura hemm ammissjoni li fallejna fil-qasam edukattiv ta’ pajjiżna. Fuq kollox, kull ma qed tgħid meta tagħmel mużura bħal din hija biex l-adoloxxenti jagħmlu s-sess – forsi wieħed jgħid x’hemm ħażin, biex jispiċċaw ma jużawhx.

Nemmen li għandna nkunu pożittivi fl-attitudni tagħna anki lejn is-sesswalita’, imma l-edukazzjoni trid tkun mibnija fuq realta’ tal-ħajja u trid tasal b’mod professjonali minn nies imħarġa apposta.

Ejjew nedukaw sew qabel nisparaw.

Leave a Reply