Għaliex quddiem dawn l-iskandli kollha l-Partit Nazzjonalista ma jistax jaqbad art?

Minn osservatur politiku

Qed insib diffikulta kbira, anżi kbira ħafna, kif Partit fil-Gvern qed igawdi vantaġġ konsiderevoli ħafna mal-votanti Maltin u Għawdxin. Dan qed ngħidu meta ħafna mid-deputati tal-gvern kontinwament qed nisimgħu fuqhom affarijiet li jekk nieħduhom bis-serjeta’ li jixirqilhom, dawn id-deputati kellhom jidhru li qed jitilfu l-appoġġ mall-kostitwenti tagħhom.

Imma din donna mhux qed tħalli effett fuq il-partit li qed imexxi l-gvern. Il-votant għadu jibgħat messaġġ ċar li ma jimpurthomx wisq minn xi tajn li qed jintefa’ fuq dawn id-deputati. Min hu raġjonevoli u nieqes mill-iffissar politiku, lejn naħa jew oħra, jgħidlek li huwa misteru kif il-partit fil-gvern qed igawdi minn din is-sitwazzjoni. Dan il-gvern qiegħed fit-tieni leġislatura tiegħu u donnu riesaq biex imexxi l-pajjiż anke fil-leġislatura li ġejja, għax mistennija rebħa oħra għall-Partit Laburista. Rajna l-ewwel leġislatura li litteralment l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ħarbtu u rrendew ċertu nies invalidi li jibqgħu jsaltnu politikament.

Għalkemm il-pajjiż għadda minn żmien ta’ taqlib, għadda minn żmien fejn l-aħbarijiet prinċipali tal-pajjiż kienu ffukati fuq stejjer koroh u negattivi bejn 2013 u 2017, xorta meta wasal iż-żmien għall-elezzjoni, il-Partit fil-Gvernreġa’ rebaħ b’riżultat aħjar minn ta’ qabel. Issa, it-tieni leġislatura qed turina li għalkemm tbiddlu ħafna wċuh u tbiddel il-kaptan, il-Partit Laburista xorta kellu jħabbat wiċċu mal-kruha skjetta tal-qrati u ma’ affarijiet u stejjer koroh fuq iżjed politiċi. Iżda jekk forsi tilef xi ftit għax issa ħierġa bil-mod ir-realta’ tas-sitwazzjonijiet koroh, xorta għadu fuq quddiem b’numri tajbin. Minħabba dan kollu il-labour suppost qiegħed fuq il-keffa l-oħra tal-miżien. Mela x’inhi r-raġuni ta’ din is-sitwazzjoni bħalissa fil-pajjiż?

Bilfors ikollok tħares lejn is-siġġijiet parlamentari opposti. Bilfors ikollok tħares lejn il-partit fl-oppożizzjoni. Bilfors ikollok tħares lejn il-Partit Nazzjonalista. Għax jekk għandek nofs il-kabinett imsewwes, kif jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista għadu 40,000 vot minn taħt? X’qed jiġri? X’mhux qed jiffunzjona? Kulħadd kelma waħda. Id-Dar Ċentrali fiha xi ħaġa ħażina.

Qalulna li jekk jitbiddel il-Kap l-affarijiet imorru aħjar. Neħħew wieħed u poġġew ieħor. Il-Partit Nazzjonalista baqa’ fejn kien, jekk mhux agħar fiċ-ċirkustanzi. Mela bla dubbju sar eżerċizzju għal xejn. Iż-żmien meħud biex tbiddel il-kap kien biss ħela ta’ ħin u enerġija. X’akkwista l-Partit Nazzjonalista b’kap ġdid? L-inkwiet naqas? Il-klikka għadha hemm? Il-klikka kuntenta almenu? Il-klikka għadha tagħmel bsaten fir-roti?

Mingħajr ebda dubbju, jistgħu jinbiddlu għaxar kaptani, jista’ jiġi kap mis-sema, jista’ jiġi l-antikrist, jekk ma jisparixxux dawk li dawru d-Dar Ċentrali b’għanqbuta kbira, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jieħu r-ruħ. Jekk dik il-klikka valenuża, forsi numerikament nieqsa xi ftit, għax hemm min induna li kienu mżażen b’ħalq miftuħ beraħ, mhux se twarrab minn hemm u toħroġ mill-bieb prinċipali, biex jarahom kulħadd, u ma jersqux aktar lura, l-Partit Nazzjonalista mhux ser jinġabar.

Issa hija ħaġa ċara ħafna li s-sors ta’ dan l-inkwiet kollu fil-Partit Nazzjonalista kien, għadu u ser jibqa’ dik il-klikka ta’ deputati li ġabu dan l-inkwiet kollu lill-Partit Nazzjonalista. Il-votant kollu Malti u Għawdxi huwa fid-dover għall-ġid tal-pajjiż, għax aħna nħaddnu d-demokrazija, li jekk dawn in-nies ma jitilqux waħedhom irridu ntajruhom aħna.

2 comments

  1. U din minfejn gibtha li l-partit fil-Gvern ghandu nofs il-kabinett imsewwes? Forsi int taqra u temmen biss l-istejjer l-istejjer li jidhru ta’ sikwit fuq gazzetti tal-Establishment, li kollha u f’kull hin dejjem lesti li jxandru ahbarijiet li jaghmlu hsara lill-PL. Kif nahseb tammetti, hlief ghall-maniggi ta’ Keith Schembri bil-hbiberija tieghu mall-allegat mandat tal-qtil ta’ DCG, l-akkuzi l-ohra kollha kontra membri tal-PL qatt ma gew pruvati fl-ebda qorti – kollha hearsay, suppozizzjonijiet, u allegazzjonijiet minghajr provi.

    Apparti minn hekk, kulhadd jaf li l-istorja passata tal-PN meta kien fil-gvern kienet forsi tkun aktar taht il-lenti kieku dak iz-zmien kien hawn il-forzi tal-ordni, il-qrati, u l-ghaqdiet li jissorveljaw il-finanzi tal-pajjiz u z-zamma tas-salta tad-dritt jahdmu b’mod tajjeb hafna bhal ma qed jaghmlu llum. Kif nghidlek jien, kieku nies bhal Austin Gatt, Beppe Fenech Adami, Tonio Fenech, Jason Azzopardi u Ninu Zammit, biex insemmilek ftit minnhom, kienu jghaddu mill-istess skrutinju li ghaddejjin minnhu l-lum id-deputati tal-PL.

    Huwa ghalhekk li l-Partit Laburista ghadu jgawdi distakk kbir hafna fuq il-PN: ghaliex in-nies fil-maggoranza kbira taghhom, jafu u konvinti li (a) il-hafna stejjer li naqraw ta’ kuljum fuq il-gazzetti tal-establishment huma biss hrejjef u allegazzjonijiet, u (b) minkejja kollox, Malta qatt ma kellha Gvern habrieki u kompetenti f’xoghlu bhal ma kellha f’dawn l-ahhar 8 snin. Ir-rekords fil-finanzi tal-pajjiz, l-impjiegi, zidiet fil-benefficcji socjali, investimenti, u l-introduzzjoni ta ligijiet progrssivi etc etc huma xhieda hajja ta’ dan. Il-maggoranza tan-nies jiftakru bil-faqar ta’ kompetenza ta’ gvernijiet tal-PN passati, specjalment fl-ahhar snin. U jekk thares lejn il-PN tal-lum issib li mhux talli ma sarx progress , imma l-partit mar lura f’kull aspett. U jekk se jibqa’ jtanbar fuq il-korruzzjoni u ma jaghrafx il-gid kbir li ghamel il-gvern fl-ahhar zewg legizlaturi, jidher li elezzjoni ohra gejja tkaxkira nobis ohra.

  2. F KULL PARTIT DEJJEM HEKK JIGRI , IL PN GHAMEL 25 SENA FIL GVERN. IL MLP KIENU GHAMLU 16 IL SENA FIL G ERN. ISSA IL MLP GHAMEL 9 SNIN GHAX MA KIENX KAPACI JAGHMEL LEGISTRATURA WAHDA SHIHA ,GRAZZI GHAL PN. IT TIGRIJA SAL BARKUN.

Leave a Reply