Parti mid-data misruqa mingħand il-Partit Nazzjonalista tispiċċa fuq id-dark web.
The Times of Malta tagħtina informazzjoni dwar files li ġew misruqa mill-Partit Nazzjonalista. Informazzjoni ta’ madwar 21,000 persuna llum tinsab aċċessibbli fuq id-dark web.
Dan ifisser li verament il-files misruqa kien fihom informazzjoni fuq persuni marbuta mal-Partit Nazzjonalista. Qed jingħad li din l-informazzjoni tmorru lura għall-2014. Hemm listi tat-tesserati ta’ dak iż-żmien, informazzjoni fuq ħaddiema tal-Partit u tal-media tiegħu.
Dak li jiskantak f’din l-istorja li l-Partit Nazzjonalista ma ried l-ebda għajnuna u ħalla s-sistema tal-IT vulnerabbli għall-hackers biex jisirqu d-data. Din ma kienitx l-ewwel darba li d-data tal-Partit Nazzjonalista nsterqet u l-ismijiet u informazzjoni privata ittieħdet minn terzi.
Malli bdew il-vġili u protesti ta’ Manuel Delia, tesserati tal-PN bdew jirċievu messaġġi biex jattendu. Uħud mit-tesserati staqsew jekk kienx il-Partit Nazzjonalista li qed jibgħathom iżda ġie kkonfermat li ma kienx.
Id-data tat-tesserati kienet sabet ruħa barra mid-Dar Ċentrali u f’idejn terzi persuni. Nies midħla sew tal-Partit Nazzjonalista qalu li m’hemm l-ebda sigurta tad-data u allura wieħed ma jiskantax li hackers professjonali rnexxielhom jidħlu u jisirqu l-informazzjoni. Quddiem dan kollu il-Partit Nazzjonalista m’għamel xejn. Fi 3 ġimgħat għamel biss rapport lill-pulizija, iżda ma sar xejn tanġibbli biex jissalvagwardjaw it-tesserati.
Is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech qal li jaf liema computer ġie kompromess u li d-data misruqa hi tal-2014. Imbagħad mank indenja ruħu joħroġ avviż lil dawk li jinsabu fid-data base misruqa, biex jibdilhom li informazzjoni tal-credit card tagħhom (li bihom iħallsu t-tessera jew jagħtu donazzjonijiet) illum qegħdha għand il-hackers. Ma smajna xejn lanqas dwar dawk li għandhom iċ-ċedoli. Din id-data nsterqet ukoll u saret pubblika? Xi protezzjoni għandhom dawk li nvestew fil-Partit Nazzjonalista, bil-wegħda li jibqgħu anonimi, minħabba l-biża ta’ vendikazzjonijiet mill-Gvern tal-Labour fuqhom?
Fuq kollox, mir-rapport ta’ The Times, il-hackers qed iwegħdu li joħorġu aktar informazzjoni dwar il-Partit Nazzjonalista li tinkludi “company financial data, salary payments, employees’ personal documents, banking, private client data, payment documents and much more.”
Sfortunatament, il-mod kif it-tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista aġixxiet f’din il-kwestjoni ma jawgurax tajjeb għal gvern ġdid Nazzjonalista. Jekk is-sigurta tal-pajjiż se tiġi ttrattata bl-istess mod dilettantesk li bih ġiet trattata din il-kwistjoni, allura diffiċli wieħed jafda Gvern f’idejn il-Partit Nazzjonalista.