Bernard Grech u l-morning after pill

F’artiklu fil-Mument tal-Ħadd li għadda fis-sensiela ‘Mill-Pjazza tar-Raħal’, Michael Caruana qalilna li l-politiċi “fil-ħidma tagħhom għall-ġid tal-poplu” għandhom ikunu ggwidati mill-valuri Nsara”. L-artikolista qalilna li Bernard Grech, il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, qal li

“permezz tal-valuri li jħaddan hu jsib il-kuraġġ biex kuljum jibqa’ jaħdem għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Qal li fil-mumenti l-aktar iebsa għalih, għal martu AnneMarie u għall-kumplament tal-familja, il-valuri tagħhom għenuhom biex ikomplu jħarsu ’l quddiem u ma jaqtgħux qalbhom. Fil-politika wkoll”.

Niftakru tajjeb dak li kien jgħid Dr Bernard Grech fil-kampanja tiegħu għal kap tmien xhur ilu. Qalilna kemm-il darba li hu u l-martu kienu jagħtu lectures u allura pariri fuq it-twemmin tal-knisja Kattolika fuq iż-żwieġ bħala parti mill-korsijiet ta’ Cana. Dan il-fatt anki intuża bħala parti mill-propaganda mill-istess Grech waqt il-kampanja għat-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess ġurnata li ħareġ dan l-artiklu, Bernard Grech kien Għawdex fejn għamel is-solitu ntervista ta’ nhar ta’ Ħadd. F’waħda mit-tweġibiet tiegħu Bernard Grech qal dan li ġej:

“…il-morning after pill, il-kontraċettivi, aħna rriduhom li dawn ikunu b’xejn għat-tfajliet ‘l fuq minn sittax-il sena, ovvjament il-kontraċettivi għaż-żgħażagħ ‘l fuq minn sittax-il sena, hekk nibdew nitkellmu ukoll fuq id-diffikulta biex nagħtu l-għodda meħtieġa biex innaqsu minn din il-problema”.

Mela hawnhekk għandna eżempju ċar ta’ kif l-istess persuna, Bernard Grech, jagħmel żewġ dikjarazzjonijet kontrastanti mmens. Hawn għandna każ fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit qed iħaddan valuri differenti u kontradittorji fl-istess waqt.

Għall-Kattoliċi, din l-istqarrija ta’ Bernard Grech għandha valuri morali importanti. Għall-liberali fil-Partit Nazzjonalista din tidher bħala żiffa friska. Biss il-politiku ma jistax iħaddan żewġ valuri kontrastanti fl-istess ħin.

Għalhekk, il-mistoqsijiet jiġu waħedhom:? Fhiex verament jemmen Bernard Grech? Minn xix hu verament iggwidat Bernard Grech? Huwa ggwidat mill-valuri nsara jew dak liberali li jridu jagħti l-kontraċettivi lit-tfajliet ta’ ‘l fuq minn sittax-il sena?

Ċempluli Nazzjonalisti u qaluli kif jista’ jkun kap, li kien qatta’ parti sewwa minn ħajtu jgħallem u jippriedka l-valuri u t-twemmin tal-Knisja u issa għax daħal fil-politika nesa dan it-twemmin? Fejn huma il-prinċipji? X’mudell qed joffri liż-żagħżagħ?

Mela dak li temmen fih jiġġebbed skond iċ-ċirkostanzi u skond is-sitwazzjoni tal-ħajja? Nesa l-Partit Nazzjonalista kemm tkaża b’Joseph Muscat għaliex biddel il-pożizzjoni tiegħu? Għal ħafna Muscat deher bħala persuna li qed tilgħab għall-gallarija.

Hawn għandna Kap Nazzjonalista li qed jippretendi li n-nies jimxu warajh. Biss kif in-nies jistgħu jimxu wara kap li qed jurihom żewġ naħat tal-munita fl-istess ħin? Il-Malti jgħid ‘jew ma Alla jew max-xitan’. Ma jistax Bernard Grech jitkellem skond min għandu quddiemu fil-platea. Il-poplu ma jistax jimxi wara persuna li titkellem skond l-udjenza li trid tilħaq. Dawn affarijet serji. Dawn affarijiet li għal ħafna l-ġenituri jġibu tħassib kbir.

Mhux ser nidħol fl-argument jekk wieħed għandux jagħti dawn is-servizz b’xejn. Dak li nista’ ngħid li jekk jingħataw b’xejn hux ser jsolvu l-problemi li jeżistu. Hawn jinteressani l-argument politiku. X’qed jgħid eżattament Bernard Grech? Dan qed jgħid lit-tfajliet u l-ġuvintur Maltin u Għawdxin ta’ ‘l fuq minn sittax-il sena, biex imorru gawdu u xxalaw mingħajr l-ebda responsabbilita’. U dan mhux biżżejjed għax kompla jgħidiluhom b’mod l-aktar ċar, tinkwetawx tafux għax jekk ma tużawx kontraċettivi għandkom il-morning after pill.

Dan hu l-messaġġ li ta waqt din l-intervista’. Nesa li lill-artikolista qallu li fil-ħidma tiegħu għall-ġid tal-poplu ser jimxi fuq il-valuri nsara. Fil-propju sens tal-kelma, ħawwadni ħa nifhem!

Leave a Reply