Beppe Fenech Adami: fejn kienet is-solidarjeta’ tiegħek meta kien hemm Adrian Delia fit-tmexxija?
Minn osservatur politiku
Qed inġib messaġġ li għadda Beppe Fenech Adami. Fih wieħed jista’ jaqra t-tweġiba li ta lill-Mument meta staqsewh għaliex se jkun kandidat għal darba oħra fl-elezzjoni li ġejja. Semmielhom li ilu nvolut ħafna fil-politika, bħala t-tifel ta’ Eddie Fenech Adami. Beppe Fenech Adami kompla jgħid li hu jemmen li l-Partit Nazzjonalista, kif uriet l-istorja, huwa l-ikbar forza fil-pajjiż li jista’ jġib il-bidliet.
Biss hawn fejn jidħol l-użu tal-kunjom fil-politika. Ma hemmx dubju li dan jgħin biex persuna li kellha lill-missierna u naħseb anki l-ommha fil-politika titla’ fil-Parlament. Biss dan hux bilfors li jista’ jkun ta’ ġdid għall-istess partit għaliex it-tfal jew tifla mhux bil-fors ikunu ta’ l-istess statura ta’ missierhom.
Neħdu l-każ ta’ Beppe Fenech Adami. X’akkwista il-Partit Nazzjonalista meta huwa kien viċi-kap? Għal numru ta’ Nazzjonalisti, il-Partit ma akkwista assolutament xejn. Dan huwa deputat li ma jagħrafx li l-Partit fil-Gvern għamel affarijiet tajbin ukoll. Dan huwa deputat li jara kollox b’lenti negattiva u ma jagħtix lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri. Qalilna li l-Partit Nazzjonalista huwa forza, għandu ħafna ideat, huwa bejta tal-ħsieb.
Imma dak x’kien fl-imgħoddi. Illum il-Partit Nazzjonalista la huwa forza, la fadallu ideat u lanqas għadu bejta tal-ħassieba. Fi żmien missieru iva. Imma fi żmienu, speċjalment meta kien Viċi-Kap, irewwaħ dak li kienet qed tordnalhom is-Sinjura Caruana Galizia, lanqas jaħsbu ma tathom ċans, aħseb u ara kemm ħarġu b’ideat. Dottore dik baqgħet għaddejja minn ġo fikom, warrbitkom, użat moħħha biss u int u sħabek kontu qiskom pappagalli tifirħu meta tgħidilkom is-suġġett li tridu titkellmu fuqu, li kienet korruzzjoni, korruzzjoni u għal darba oħra korruzzjoni.
Beppe Fenech Adami jemmen li l-Partit Nazzjonalista huwa mibni fuq valuri sodi. Daqżgur li l-Partit Nazzjonalista kien mibni fuq valuri sodi u kien jużhom jew jipprattikom. Biss fejn huma l-valuri fi żmienek? Fejn huma l-valuri llum fil-Partit Nazzjonalista? Fejn kienu l-valuri tiegħek meta Adrian Delia kien kap tal-Partit?, Infakkrek li inti kont wieħed minn dawk li kont tara lil Adrian Delia bħala l-iljunfant fil-kamra. Tkellmiet mal-Mument fuq is-solidarjeta’. Fejn kienet is-solidarjeta’ tiegħek ma dawk it-tesserati li vvutaw għall-kap tagħhom fl-2017? Taf li ħdimt kemm flaħt biex il-vot tagħhom ġibtu jiswa’ daqs qartas tal-inċova.
Tkellmiet ukoll fuq kompassjoni, rispett u dinjita’. Tibda’ tgħid imma dan l-istess bniedem li fl-eżekuttiv kien jinħanaq jgħajjar u jordna lil Adrian Delia jwarrab. X’kompassjoni? X’rispett? X’dinjita’? Fejn? Ma’ min?
Dr Beppe Fenech Adami jemmen li ħadd ma għandu jibqa’ lura. Hekk hu mela, naqblu. Imma basta jaħseb u jmexxi l-aġenda tiegħek u ta’ sħabek. Ħa ngħidlek min baqa’ lura Dottore. Fi żmienek l-aktar li baqa’ lura kien il-Partit Nazzjonalista, li bik fil-kredu, ħa żewġ tkaxkiriet papali.
Waqt li missierek għamel rebħiet kbar, mhux l-istess tista tgħid int. Nifhem li hu sew tiddikjara u temmen li fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista għamel rebħiet kbar imma dawn ma ġrawx fi żmienek! L-istorja fi żmienek ser tibqa’ imniżżla bħala l-akbar teba’ għall-Partit Nazzjonalista. Kemm ilek hemm int ħlief telfiet ma ħax il-Partit Nazzjonalista, waħda wara waħda għal għaxar darbiet s’issa.
Iva naqbel li l-Partit Nazzjonalista għad għandu ħafna x’joffri. Imma jekk il-Partit ser jibqa’ mwaħħal fuq suġġett wieħed, Daphne Caruana Galizia, mhux ser jimxi ‘l quddiem. Anke l-bieraħ waqt id-diskors tiegħek fil-parlament ergajt semmejt lis-Sinjura Caruana Galizia. Ma tqumx bilwieqfa fil-parlament li ma ssemmiex lil Daphne. Move on my friend għax qed tagħti immaġni ta’ partit iġġamjat.
Dażgur li l-pajjiż għandu bżonn id-demokrazija. Dażgur li d-demokrazija għandha bżonn il-Partit Nazzjonalista, imma minħabba fik u sħabek, il-Partit ser ikun f’pajjiż demokratiku imma dejjem fl-Oppożizzjoni.
