Tweġiba għall-artiku ta’ Ivan Bartolo f’Illum
Blog post minn osservatur politiku
Ivan Bartolo (tal-Mosta) deputat Nazzjonalista kiteb artiklu fl-Illum bl-isem ta’ rari daqs pitirros fejn fajjar baraxx ta’ kritika lill-klikkek differenti li hemm bħalissa fil-Partit Nazzjonalista. Ma nafx kif naqra dan l-artiklu. Għandi inqis dan l-artiklu bħala artiklu ta’ pentiment minħabba li dan id-deputat kien ġie kkonverti li Adrian Delia ma kienx ħaqqu jibqa’ kap, għalkemm qabel kien lejali lejh.
Mhux ser nidħol fiha jekk f’din il-konverzjoni kienx hemm ix-xogħol tal-Ispirtu s-Santu. Biss mit-tonn ta’ dan l-artiklu, ma naħsibx li Ivan Bartolo għadu jaħseb kif kien qal huwa hu dieħel il-Parlament lil tal-ONE News, li l-Labour m’għandhomx deputat wieħed nadif bħal Bernard Grech.
Tajjeb għamilt li fl-artiklu tiegħek irreferejt għall-ktieb tal-Eżodu li jistqarr li l-poplu jagħżel lill-aħjar fost dawk kollha li jersqu ‘l quddiem. Allura ma kienux tajbin it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, meta għażlu l-aħjar fl-2017? Għalfejn id-deċizzjoni tal-poplu Nazzjonalist ma għoġbitkomx?
Infakkar li Dr Adrian Delia kien il-persuna li kien qed jipprattika dak li kitebt Ivan Bartolo:
“Dan hu mexxej … mal-poplu, tal-poplu u għall-poplu. Parti sostanzjali minn dik li nsejħulha politika. Għax il-politika hi enerġija li ddur mal-bniedem, enerġija maħluqa minnu biex lilu stess isservih..”
Int kont parti minn dak il-grupp li fil-bidu ħdimt id f’id ma’ Adrian Delia. F’din is-silta li ġejja u li qed noħodha mill-kitba tiegħek, verament tista’ torbotha mingħajr diffikulta ma dak li prova jagħmel Dr Delia. Jiena naħseb li verament int kont wieħed li ħaddant dawn il-valuri għax kont tarahom f’Adrian Delia:
“Mill-politika titqanqal ħolma, ħolma f’kull temp, kemm f’baħar kalm u anki f’baħar imqalleb, f’baħar li meta tpinġih jippreżenta l-isbaħ pittura għall-futur. Futur li jistenniena, futur ħerqan għalina, futur għal qalbna għax qed narawh b’idejh miftuħa biex jgħannaqna. Kull min hu fil-politika, jew midħla tal-politika, din irid jaħdem għaliha bis-serjetà!”
Imma bl-akbar serjeta’ ma nista’ qatt ninsa li int kont wieħed minn dawk li fajjartlu stallett ġo dahru. Għandek raġun Mr Bartolo li eluf ta’ votanti, soltu Nazzjonalisti, mhux qed jaraw il-pittura sabiħa li qed jew kont qed tara int. Għandek raġun ukoll li qegħdin jaraw li l-Partit Nazzjonalista qed jersaq lejn tmiemu.
U iva naqbel miegħek ukoll li dan il-Partit ta’ 140 sena, nfena minn klikkek ifferoċċjati u mejtin bil-għatx għal poter. Il-poter mhux mistħoqq iħawwad l-imħuħ. Naħseb li wasal ukoll iż-żmien għalik Sur Bartolo u sħabek li jikkonfermaw min hu l-Kap leġittimu tagħkom, wara dak kollu li ħareġ mill-istqarrija ffirmata minn Jason Azzopardi dwar il-gideb tiegħu. Jiena nispera u nittama li ma għadekx parti mill-Blue Heroes għax il-politika ta’ dawk in-nies tħallilek verament togħma qarsa u li veru żvujtat lid-Dar Ċentrali minn ħafna attivisti ġenwini li ma setgħux jissaportu iżjed dik il-ħdura li ppenetrat ħafna qlub fl-istess familja Nazzjonalista.
Adrian Delia prova jdaħħal mod ġdid fil-politika prova wkoll jibdel, mhux id-dinja imma almenu lill-politika Maltija. Imma sfortunatament ma ħallewhx. Għax iva Sur Bartolo, Delia kien għotja għal ħaddieħor, ma kienx hemm Sibt u Ħadd, ma kienx hemm lejl u nhar, hu min hu u hi min hi. U verament b’dak li għamlulu bilfors iħossu mweġġa’ għax ħadem kemm felaħ biex inaddaf il-politika.
Dawk li ġġakbinawh huma politiċi tal-isem għax għoġbithom il-pittura tal-gideb. U għax imċappsin bil-gideb, mhuwiex posthom fil-politika. Kif għidt tajjeb inti, għandhom iwarrbu jew jitwarrbu. Jiena ngħidlek li anke għal għira jew il-flus hemm min biegħ l-ommu jew qatel lill-martu. Iva nammetti li l-politka Nazzjonalista qiegħda fi kriżi kbira. Adrian Delia kien politiku ta’ prinċipji veri, li libes il-fardal tas-servizz, għax dejjem kellu l-bniedem u n-nies qabel lilu nnifsu. Għalhekk kien maħbub minn saffi diversi tas-soċjeta li għarrfu l-frott li prova jitma’. Imma l-elitisti u dawk li għalihom jiġi l-poter l-ewwel u qabel kollox, dawk li ndunaw li ser jitilfu l-poter minn idejhom, dawk li ma aċċettawx l-id tal-ħbiberija, dawk li kienu vvalenati mill-kitba tas-sinjura Caruana Galizia, dawk li tbellgħu u sikru fil-gideb ta’ sieħibhom, dawk tilfu l-integrita’ u għadhom jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom. Mhux sew.
Sur Bartolo inti għalaqt l-artiklu b’dan il-mod:
“Il-garanzija tal-futur ta’ soċjetà, tissarraf fl-abilitajiet tal-politiċi tagħha; il-garanzija tal-politiċi tagħha tissarraf fl-għażla għaqlija ta’ dik is-soċjetà”.
Jiena ser inżid biċċa miegħek. Din id-darba fl-elezzjoni li ġejja, is-soċjeta’ trid tkun għaqlija u għalhekk għandha tħalli ħafna kaxxi vojta mill-karta tal-vot, jiġifieri ta’ dawk li ġew jitmellħu mill-vot popolari intern tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri tat-tesserati fl-2017.
