Sondaġġ ieħor disastruż għall-Partit Nazzjonalista: in-NET Tv jarawh biss 1.1% taż-żagħżagħ

Il-bieraħ, il-ġurnal Illum kellu sondaġġ dwar kemm u minn jara t-television Malti. Dan is-sondaġġ ftit tkellmu n-nies dwaru. Biss hu sondaġġ interessanti ħafna u jagħti ndikazzjonijiet ċari. Tħares lejn din il-pie chart u tieħu xokk qawwi. Din hija ndikazzjoni ċara kemm mar lura l-istazzjon tat-TV tal-Partit Nazzjonalista. Din il-pie chart twerwrek. In-NET TV jarawh biss 1.1% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Il-ONE jarawh 9.8% minn dawk bejn is-16 u l-35 sena. Mhux ċajta li l-messaġġ viżiv ta’ partit politiku, jiġifieri tal-Partit Laburista, qed jasal 9 darbiet iżjed għand iż-żagħżagħ minn dak tal-Partit Nazzjonalista.

F’dan is-sondaġġ xjentifiku mitlub mill-gazzetta Illum u maħdum minn Polar, 49.4% taż-żagħżagħ Maltin, qalu li ma jarawx TV Maltin. Fuq livell tal-popolazzjoni ta’ kull eta, x-xandir nazzjonali jibqa’ l-aktar stazzjon popolari mal-Maltin u l-Għawdxin. 32.3% tal-poplu Malti u Għawdxi jsegwu TVM. Filwaqt li huma 10.2% tal-parteċipanti f’dan is-sondaġġ li wieġbu illi jaraw l-aktar in-NET TV. 18% qalu illi jsegwu l-istazzjon ONE l-aktar.

Ma nafx imma għalija dan huwa stallett ieħor fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Inħoss li f’dan l-artiklu għandi nagħti ħafna aktar importanza lil-faxxa ta’ bejn is-16 u l-35 sena. Kif jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista waqa’ f’dawn il-livelli mat-telespettaturi żgħażagħ tiegħu?

L-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi hija, kif ser iwassal il-messaġġ tiegħu l-Partit Nazzjonalista fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali li ġejja, speċjalment jekk ma tkunx tista’ ssir bil-mod konvenzjonali tas-soltu. Jekk mhux ser ikun hemm meetings, mass meetings, taħt it-tined jew attivitajiet tal-massa, minħabba il-pandemija, x’ser jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex iwassal il-messaġġ tiegħu? Dan huwa messaġġ mibgħut mill-pubbliku żgħażugħ li l-messaġġ tal-Partit m’għadux interessanti għalihom.

Nażżarda ngħid li lanqas għadu rilevanti. Anżi iżjed agħar messaġġ li sar bla sugu għal 99 fil-mija taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Din hija konferma oħra li ż-żgħażagħ ma jarawx NET TV. Dan huwa messaġġ ċar lill-fergħa taż-żgħażagħ li bix-xogħol li jwettqu ma huma qed jakkwistaw xejn. Dan il-grupp ta’ żagħżagħ fi ħdan din il-fergħa jridu jirrealizzaw li għandhom fuq spallejhom responsabilita’ kbira. Dawn għandhom f’idejhom id-dover li jaraw x’ser jagħmlu biex jaslu għand iż-żgħażagħ hemm barra. Dawn ma jistgħux jibqgħu miġburin f’xi kamra tad-Dar Ċentrali jiddiskutu, imma jridu jaħdmu strateġija li tkun maħsuba b’mod professjonali għat-tferrix tal-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.

Din il-fergħa diġa ħadet messaġġ ċar fl-aħħar survey li sar. Issa qed joħduh ukoll min din il-pie chart li ħarġet il-bieraħ. Dan huwa survey pubblikat li qed jistaqsi lill-Partit Nazzjonalista x’ser jagħmel? Dan is-survey qed jitlob b’mod ċar reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, kemm mill-amministrazzjoni kif ukoll, kif diġa għidt, mill-feragħ taż-żgħażagħ. Hawn il-Partit Nazzjonalista għandu defiċit qawwi u jekk mhux ser jara x’ser jagħmel jista’ jgħid bye bye lill-elezzjoni ġenerali li ġejja.

One comment

Leave a Reply to John Felice Cancel reply