Artiklu tajjeb ħafna minn Michela Spiteri dwar il-qasma fil-PN u l-ħsara li għamlet Daphne Caruana Galizia lill-Partit Nazzjonalista

Michela Spiteri kitbet artiklu fuq The Sunday Times of Malta li jixraqlu jinqara u jinxtar. Kemm naqbel magħha meta tgħid li l-Partit Nazzjonalista ilu li qabad in-niżla għal snin twal u meta beda jitlef daħal fi tfittxija biex forsi jerġa jsib ruħu imma s’issa għadu ma rriabilitax lilu n-nifsu bħala partit. Anke s-Sinjura Spiteri qed tgħidlu lil Dr Grech li l-Partit Nazzjonalista jrid jirriabilita ruħu u mhux dawk li telqgħu.

Mhux billi jinkitbu r-rapporti u jinħolqu l-istrateġiji, għaliex jekk ma jinqabadx il-barri minn qruni jkun kollu għal xejn. U dan meta għandna fil-gvern partit mifni b’korruzzjoni u kull ma tista’ timmaġina. Kif għidt kemm-il darba fuq dan is-sit, l-istrateġisti ntilfu mat-triq tal-abbandun. Tgħid li qed tikteb Ms Spiteri ser jiġu meqjus bħala ‘a Trojan horse’? Il-Partit Nazzjonalista tilef l-identita’ tiegħu u ma għadux ta’ ispirazzjoni għas-sostenituri tiegħu u d-dubbjużi. Fejnu dak iż-żmien meta l-Kap kien iġorr miegħu awtorita’ u kulħadd magħqud madwaru. Seta’ kien hemm nuqqas ta’ ftehim imma fid-dar tal-Partit Nazzjonalista kollox illum imxerred mal-erba’ irjieħat.

Mela n-nazzjonalisti tkellmu, ir-rapport tal-2013 ammetta, l-voti indikaw u kellna Partit li ħalla lil Daphne Caruana Galizia taqbdu minn imnieħru, tieħu r-rigni f’idejja, tkisser u tiżvina lill-Partit Nazzjonalista mill-voti. Kemm hu ikrah għal Partit li tħalli persuna barra mill-politika tużak biex tmexxi l-aġenda tagħha. Kemm ili ngħiduha u issa qed tikkonfermah anke s-Singura Spiteri.

Imbagħad meta daħal Adrian Delia beda attakk minn
Daphne Caruana Galizia fuq livell personali simili bħal ma kienet tagħmel kontra Joseph Muscat. U għad hawn min għadu jidolizza l-kitbiet tagħha għalkemm jafu li kissret partit. Is-Sinjura Spiteri qaltilha li kieku Daphne ħalliet lil Adrian Delia jaħdem l-affarijiet kienu jkunu differenti ħafna llum. Waħedha, din il-mara ħolqot qasma enormi fil-Partit Nazzjonalista u t-team ta’ Delia sab ruħu assedjat mill-klikka llupjata ta’ Busuttil/Azzopardi u biex tgħaxxaqha tfaċċaw ħafna gruppi tas-soċjeta ċivili u jnagħqdu magħhom. Bl-ebda mod ma ħallew lil Adrian Delia jaħdem. Meta rebaħ, Delia sab ma wiċċu klikka mgħedija mill-kitbiet tas-sinjura Caruana Galizia li poġġew lil Adrian Delia f’sitwazzjoni li jew timxi fuq l-istess aġenda jew ma nħalluhx jaħdem.

Is-Sinjura Spiteri għandha raġun tgħid li meta ssemmi l-Partit Nazzjonalista llum ma tiftakarx f’Bernard Grech imma jiġik f’moħħok il-ġlied enormi li jeżisti. Kemm huma dawk id-deputati li ma humiex parti mix-xena, qishom ħadu siġġu fuq wara biex ma jidhrux. Apparti l-votanti li dejjem ħassewhom Nazzjonalisti, dawk li jistmerru lis-soċjeta ċivili u l-ħsara tagħha qatt ma jistgħu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

L-artikolista saħqet kemm hu mportanti li tippreżenta l-għaqda quddiem il-poplu u mhux klikkek lesti li jagħqbdu f’għonq xulxien. Tatna eżempju sempliċi li jolqot lil kull familja. Il-ġenituri li ma jkunux magħqudin ma’ wliedhom jistgħu jitfaċċaw ħafna nkwiet. Imma dawk iż-żewġ persuni, kemm il-mara kif ukoll ir-raġel, li jgħaqqbdu id f’id u jidderiġu l-bastiment bħala kaptan wieħed jirnexxu. Għalkemm huwa diffiċċli li l-ġenituri jaqblu dejjem, imma importanti ħafna li jitkellmu b’vuċi waħda ma wliedhom. Il-ġimgħa l-oħra Bernard Grech pprova jissagrifika ħafna bħalma għamel Adrian Delia qablu. Grech prova jgħaqqad lil Azzopardi ma’ Delia. Xorta laqqata’ u ġie mgħajjar traditur u kull aġġettiv ieħor mis-soċjeta ċivili. Saħansitra qalulu li qed jingħaqad mal-Partit Laburista b’dak li għamel, għax prova jittratta liż-żewġ protagonisti fix-xena b’mod ugwali.

Dawn nies li ma jafux jew ma jridux jifhmu li biex terbaħ elezzjoni trid lil kulħadd. Dawn huma nies li jgħixu b’viżta politika mċajpra. Minħabba fihom, dawn iridu jammettu li fil-Partit Nazzjonalista inħolqu teamijiet ta’ dak, tal-ieħor u tal-oħra. Jekk qed jaħsbu li ser jgħaddu mingħajr it-team Delia għandhom żball kbir. Jekk qed jaħsbu li Azzopardi jiġbed ħafna iżjed nies lejn il-Partit minn Delia, qed jgħixu fuq pjaneta oħra. Jista’ jħallas kemm irid surveys biex jara kif ser imur fuq ir-raba’ d-distrett u jgħidulu li għadu fuq quddiem fost il-kandidati Nazzjonalisti. Dak li jgħodd hu kemm ser iġib voti lill-Partit Nazzjonalista min-naħa l-oħra. Xejn.

Għalkemm ma jistgħux jaċċettaw lil Adrian Delia, u mid-dehra se jibqgħu għaddejjin biha, dawn għax rashom iebsa, ma jridux jifhmu li ma jistgħux jgħaddu mingħajr il-voti li jġib Adrian Delia. U dan meta minn dejjem kienu jafu li Adrian Delia qatt ma poġġa lilu nnifsu fuq xi pedestal qaddis, anżi żamm saqajh mal-art u dejjem ammetta li anke hu kkommetta żbalji.

Għalkemm lil Bernard Grech tellgħuh huma u qed jinqdew bih, xorta qed ipoġġuh bejn żewġ blatiet taż-żonqor u qed iweġġgħuh kull darba li jiftħu ħalqhom. Dawn l-elitisti li qed jgħaddu biż-żmien anke lil Bernard Grech, ma jridux jifhmu li Adrian Delia kien il-Kap li kien qed iressaq lura lil moderati, lil tat-tielet klassi, lit-trolls Laburisti u saħansitra lil dawk li kienu tbiegħdu għal kollox mill-Partit. Il-klikka li mingħalihom dejjem qaddisin u ma jiżbaljaw qatt, dawk tal-ewwel klassi, li jiffurmaw il-klikka ta’ Azzopardi, dawk li jorganizzaw iċ-ċerimonji u l-protesti l-Belt mhux qed isibu s-sostenn ta’ ħafna nies Nazzjonalisti, anżi b’dak li għamlu u għadhom jixtiequ jagħmlu qed ibiegħdu aktar nies mill-Partit Nazzjonalista.

Kif jistgħu l-veru Nazzjonalisti, dawk li dejjem xejru l-bandiera u ħadmu għall-maduma qatt xi darba javviċinaw jew jaqblu ma dawn il-friegħi tal-Partit Nazzjonalista bħalma huma l-Occupy Justice, Repubblika, il-Fondazzjoni Daphne u oħrajn. Bernard Grech irid jifhem li l-Partit huwa hijacked minn dawn in-nies. Irid jifhem ukoll li ma tistax terbaħ ebda elezzjoni billi tmexxi lill-Partit qisu xi club esklussiv fejn jiġu aċċettati biss l-elitisti.

https://timesofmalta.com/articles/view/pn-the-art-of-self-sabotage-michela-spiteri.871816?fbclid=IwAR1vkWhT7KUJljCiIPMpZpDodE3XH-t8zKMpf0Phk80ZR3DX_LMSWT8arWM#.YKFZVI1JROI.facebook

Leave a Reply