Huwa każ li minħabba l-pożizzjoni li ħa fuq l-abort, Bernard Grech kompla jitlef l-appoġġ taż-żagħżagħ?

Blog post minn osservatur politiku

Bernard Grech donnu qed jaqlagħha minn kullimkien. Il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia mhux ser tħallih bi kwietu la issa u lanqas fil-futur qarib. Kemm ilu li għamel dik il-paprata tal-eżekuttiv, għax sejjaħ il-laqgħa meta kien jaf li ma kienet ser twasslu imkien, għadhom ma waqfux l-attakki.

Naħseb li kull media house b’xi mod jew ieħor attakkatu wara dik il-balbuljata mgħaġġla. Il-Malta Today qed tagħmel referenza għad-dikjarazzjoni li għamel Bernard Grech wara li Marlene Farrugia resqet mozzjoni fil-Parlament. Il-Malta Today b’mod sottili qed tgħid li l-mozzjoni ta’ Ms Farrugia qed tipproponi li tneħħi żewġ klawsoli fil-liġi li jinkriminaw lil min jagħmel abort jew lil min jgħin biex isir abort.

Il-portal ikompli jiddikjara li kif inhi l-liġi bħalissa, l-abort fih innifsu jikser il-liġi Maltija u jġorr miegħu tliet snin priġunerija. Is-sitwazzjoni fil-pajjiż hija tali, li l-affarijiet f’pajjiżna qed jieħdu żvolta differenti. Ħafna affarijiet li sa ftit snin ilu konna narawhom li huma mpossibbli f’pajjiżna qed isiru possibbli.

Niftakru tajjeb il-kwistjoni tad-divorzju. Ma kienetx parti mill-programm elettorali ta’ ebda partit politiku fl-elezzjoni tal-2008, imma wara mozzjoni personali ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, Malta waslet għal referendum u d-divorzju daħal. Jien ma nista’ naħlef għal ħadd. Ma nistax ngħid kif se jivvota dak jew l-ieħor jekk nersqu għal referendum fuq l-abort.

Kont skantat b’dak tad-divorzju u ma nieħu xejn bi kbir jekk nerġgħu jkollna xi sorpriża oħra jekk isir referendum fuq l-abort, għalkemm din id-darba jidher li se jkun aktar diffiċli. Imma kif diġa’ għidt l-affarijiet u l-ħsibijiet qed jinbiddlu kuljum. B’din il-mozzjoni u bl-affermazzjoni ta’ Bernard Grech favur il-ħajja, jista’ jkun li qed ikollha effett fuq iż-żgħażagħ? Jista’ jkun li b’dak li qabad u qal Bernard Grech seta’ biegħed ħafna żgħażagħ minnu u mill-Partit tiegħu stess?

Illum ħafna miż-żgħażagħ saru liberali ħafna u ma jaraw xejn ħażin li Malta tkun bħal pajjiżi l-oħra Ewropej u ddaħħal l-abort. Irridu nżommu quddiem għajnejna li bil-vot mogħti liż-żgħażagħ minn sittax-il sena ‘l fuq, jista’ jxaqliblek il-miżien. Ma jfissirx li tasal biex tissarraf f’vittorja imma b’dan it-tip ta’ liberaliżmu li qed naraw fi ħdan iż-żgħażagħ, dik l-affermazzjoni qawwija ta’ Bernard Grech tista’ toħloqlu l-inkwiet u jista’ jasal iż-żmien fejn jiddispjaċih li ħareġ jiddikjara daqshekk malajr kontra l-mozzjoni.

Iż-żgħażagħ saru jridu jiddiskutu. Saru jridu jkollhom sehem min-narrattiva politika li teżisti fil-pajjiż. Iż-żgħażagħ u l-moħħ liberali li qed jippreżentaw madwar pajjiżna, qed jagħti ndikazzjoni li ma għadhomx jieħdu kollox mill-adulti mingħajr ma jsemmgħu leħinhom. Bernard Grech kien pjuttost insensittiv u għamel dikjarazzjoni li lanqas fetaħ tieqa għad-diskussjoni. Dawn huma stqarrijiet mgħaġġla li jista’ jirrifletti ħażin fuq il-messaġġ mogħti liż-żgħażagħ.

Dr Bernard Grech hemm bżonn tibda tirrifletti qabel tiddikjara. Iż-żgħażagħ, ma għandhomx kantunieri. Huma jaqtgħu fil-laħam il-ħaj u malajr jafu juruk snienhom. Persważ li bid-dikjarazzjoni tiegħek ma ġbidt ebda vot taż-żgħażagħ u dik id-dikjarazzjoni tista’ tkun deċizzjoni li ‘l quddiem tirritorna lura fuqek biex tagħmillek il-ħsara.

Pass ieħor fil-pjan biex Bernard Grech jitneħħa! Marlene tippreżenta liġi favur l-abort u Grech jitlef iżjed appoġġ taż-żagħżagħ.

Leave a Reply