Għaliex il-Lejber għandu strateġija aħjar mill-PN fuq l-issue tal-abort?

Blog post minn osservatur politiku

Jista’ b’xi mod il-Partit Nazzjonalista jispjega lill-pubbliku kif kull darba li jiġi biex jieħu xi deċizzjoni strateġika dejjem jgħaffiġa? Jista’ l-Partit Nazzjonalista jispjega kif ma jirrejalizzax li l-abort huwa suġġett tant sensittiva li ma tistax taqbad u tispara stqarrija u ma tirriflettix li l-pajjiż mhux int jew dak li tgħid int? Jista’ min ħareġ bl-idea li Dr Bernard Grech jaqbad u jagħmel statement fejn għalaq kwalunkwe tip ta’ konsultazzjoni u agħar minn hekk għalaq id-diskussjoni pubblika? Kif jista’ dan l-imbierek partit xi darba jinfetaħ u jgħaddi messaġġ li l-Partit Nazzjonalista ma għandu ebda dritt divin li jimponi jew jiddikjara l-aġenda pubblika? Jista’ xi darba dan il-partit suppost Nazzjonalista jagħmel dikjarazzjoni dittatorjali li ma tagħti ebda ċans lil ħadd, jaqbel jew ma jaqbilx miegħu, li jesprimi ruħu?

Taf Dr Bernard Grech li inti għalaqt il-bibien tal-parlamentari sħabek biex jesprimu opinjoni anke jekk iridu jsaħħu dak li għidt int? Taf li s-segretarju ġenerali tiegħek ħareġ biċċa ordni biex ħadd ma jesprimi ruħu qabel toħroġ il-kelma tar-rgħajjes? Imbagħad agħar minn hekk kulħadd jekk irid jgħid xi ħaġa jrid jirreplika dak li ktibt int, Dr Grech? Kif jista’ kap ta’ partit isabbat saqajh, u mingħajr ma jiddiskuti, iħażżeż erba’ kelmiet u mingħajr ma jagħti ordni bil-fomm jew bil-miktub, jgħid bl-għaġir tiegħu lil ta’ madwaru, hawn hu l-vanġelu tal-Partit Nazzjonalista u dan għax ‘San Bennard’ stqarr hekk?

Imma kif se jibqa’ jgħaffeġ dan l-imbierek partit li l-ħin kollu jħambaq li l-Partit Nazzjonalista hu gvern alternattiv? Alternattiv kif? Billi jagħlaq il-bibien lill-poplu Malti u Għawdxi? Billi ma jagħti ebda ċans lis-sostenituri tiegħu, l-esperti jew min irid hu, għallinqas jgħidu l-opinjoni tagħhom, anke jekk jaqblu mal-istqarrija? Int, Dr Bernard Grech, li tant kont pront u imponejt ruħek fuq kulħadd, fuq il-poplu kollu, hemm xi ċans timmatura strateġikament? Ta’ madwarek hemm xi ċans li jibdew jirriflettu qabel jisparaw lejn saqajhom?

Bdejtu, għadkom u donnkom ser tibqgħu dilettanti tal-istrateġija. Ħarsu lejn il-Partit Laburista. Ħareġ stqarrija. Kważi ma qal xejn, imma fl-istess ħin qal ħafna. Lanqas pożizzjoni ma ħa għax tefagħha fuq il-poplu għad-diskussjoni. Imma almenu ltaqa’ l-grupp parlamentari mhux xejn, kollox hu, kollox Dr Bernard Grech. Araw l-istrateġija kif taħdem: ‘id-diskussjoni fuq suġġett sensittiv bħall-abort issir mis-soċjeta’. Saħansitra ċanfar bil-pulit lil min għamel din il-mozzjoni: ‘Diskussjoni li ma tiġix monopolizzata mill-partiti politiċi fil-Parlament’.

Ħa nkompli nikkwota ftit ieħor mill-istqarrija forsi xi ħadd mill-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista jitgħallem xi ħaġa: ‘tkun mibnija fuq l-onesta’ u r-rispett lejn fehmiet differenti, bla sensazzjonaliżmu jew kundanni u kontra l-istigma’. U Dr Grech din l-aħħar biċċa qed jgħaddulek messaġġ ċar lilek, li għalkemm Dr Robert Abela diġa esprima l-fehma ċara tiegħu, xorta waħda l-Partit Laburista jemmen li għandu jsegwi dak li jkun qed jingħad mis-soċjeta’.

Leave a Reply