Alessandro Farrugia qed jissemma bħala d-direttur il-ġdid tal-informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Dan l-aħħar kont qed nieħu kafe’ ma’ persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u nitħaddtu x’inhu għaddej fid-Dar Ċentrali partikolarment wara s-servejs tal-Malta Today u tat-Torċa, li qegħdin juru inkwiet kbir għal Bernard Grech. M’inix se nerġa’ nidħol fuq il-leġittimita’ tal-aħħar elezzjoni ta’ kap, iżda ma nistax ma nirrimarkax kif il-gazzetti lokali kollha qishom jgħidu li Bernard Grech qed jerġa’ jgħaqqad lill-partitarji. Mhux se ngħid li dan mhux qed jagħmlu, imma lanqas mhu eżattament is-sentiment tal-ammont mhux ħażin ta’ persuni Nazzjonalista.

Nibda biex ngħid li fid-Dar Ċentrali saru manuvri dan l-aħħar li l-effett tagħhom żgur li ma wasslitx għall-għaqda, u dan mhux biss bl-istqarrija konġunta ta’ Dr Adrian Delia u Dr Jason Azzopardi li ħalliet ħafna nies perplessi u naħseb irrabbjati wkoll, imma kif rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur għall-ammont imdaqqas ta’ persuni li wħud minnhom kienu attivi fil-PN, li wara l-laqgħat li kellhom ma’ Bernard Grech, iktar ħarġu konvinti li posthom m’għadux fil-Partit Nazzjonalista.

Kemm inħarsu lejn membri f’Kumitati, Kunsilli Lokali u saħansitra uħud li kienu se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali, li biddlu fehmthom. Ċertu diskors u attitudni, fil-fehma tiegħi żbaljata, li qisu t-tmexxija tal-PN jafu u jifhmu f’kollox kienet u għadha qed iddejjaq mhux ftit.

Mal-lista li semmejt irrid ninkludi wkoll impjegati u ħaddiema tal-partit, li uħud minnhom ħadmu biex Bernard Grech sar il-kap tal-partit, li llum ukoll m’għadhomx konvinti li kienet l-għażla t-tajba. Dan mingħajr ma nnaqsu mill-mertu uman tal-kap tal-PN. Niftakru l-kliem li ntqal dan l-aħħar li se jittieħdu deċiżjonijiet iebsa… u jidher li l-uniċi ftit deċiżjonijiet li ttieħdu, minflok, aktar dejqu lill-uħud mill-ħaddiema tal-partit.

Kont diġa’ kien issemma’ f’dan il-sit id-deċiżjoni tat-trasferiment ta’ Paul Galea (magħruf bħala Pawlu bombi) li minkejja kollox xorta baqa’ leali lejn il-partit tiegħu. Imma issa jidher li fl-aħħar ġranet inbiddlu wkoll uħud mid-Diretturi (li nħobb nirreferi għalihom bħala ġenerali)… u madwar il-kafe’ u biskuttin semmewli fost l-oħrajn min kien responsabbli mill-istrateġija, l-customer care u l-komunikazzjoni.

Ma nafx minn kien responsabbli mill-ewwel żewġ oqsma u lilhom ma nafhomx imma nifhem li jista’ jkunu raġunijiet validi u strateġiċi għalfejn inbidlu, iżda jkolli ngħid li meta qaluli li l-amministrazjoni biddlu lil min kien responsabbli mill-komunikazzjoni bqajt kemmxejn mistgħaġeb u perpless. Ngħid li ma tantx kelli okkażjonijiet li nitkellem mad-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-PN iżda dejjem nafu bħalha persuna professjonali. Qed nirreferi għal Jesmar Baldacchino, li nafu bħala ħabbrieki u responsabbli, u li kien qed jokkupa dil-kariga għal dawn l-aħħar erba’ snin. Għalhekk ma stajtx nifhem x’kienet din id-deċiżjoni, jew għalfejn xi ħadd ried li jneħħi propju lil din il-persuna, li kien leali u li milli qaluli kulħadd kien jaħdem tajjeb ħafna miegħu, deputati, uffiċjali u mhux, jiġifieri mill-fazzjonijiet differenti fil-partit.

Mir-riċerka tiegħi li għamilt, Baldacchino kien milqugħ sew f’Birkirkara minn Lawrence Gonzi fl-2012 meta dak iż-żmien kien għadu Prim Ministru, u wara li ħadem fil-komunikazzjoni ma’ membri tal-Parlament Ewropew beda jmexxi wkoll il-komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, u mhux b’sempliċi appuntar tar-rwol imma wara li kien il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN stess li vvota unanimament biex ingħata dan l-irwol. Qed ngħid hekk għax dil-pożizzjoni, li hija waħda sensittiva u fundamentali għal partit politiku, hija wkoll waħda statutorja ċioe’ appuntata bl-istatut.

Kont diġa’ ktibt kif ġew appuntati bosta diretturi ġodda fil-PN wara l-ħatra ta’ Bernard Grech, u wieħed minnhom huwa ċertu Alessandro Farrugia li issa jidher li se jkun hu li se jieħu over id-dipartiment tal-komunikazzjoni tal-PN. Nistaqsi biss jekk l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ivvutax għal dan it-tibdil kif jitlob l-istatut tiegħu, u qed ngħid hekk għax ma jidhirlix li rajt jew li nħarġet stqarrija uffiċjali tal-partit li Farrugia nħatar f’dil-kariga.

Imma lura lejn l-argument li ridt inpoġġi huwa li ma tistax tiprietka fuq l-għaqda u li trid iġġib lura lin-Nazzjonalisti u fl-istess ħin jittieħdu deċiżżjonijiet fuq il-ftit ħaddiema li hemm fid-Dar Ċentrali. Dan għaliex charity begins at home u meta s-servejs juru li l-popolarita’ kemm ta’ Bernard Grech u tal-Partit Nazzjonalista kull ma jmur qed jonqsu, żgur li l-ewwel li għandek tagħmel huwa li tgħaqqad lin-nies tiegħek u mhux tieħu deċiżżjonijiet biex tqarrashom.

F’dawn iċ-ċirkostanzi trid tevita li tingħalaq f’bozza, terminu li qaluli l-erbat iħbieb mal-kafe’ li ħaddna, u tara kif minn dawk ta’ madwarek toħroġ l-aħjar tagħhom u tiftaħ il-bibien beraħ għal talenti ġodda. Imma jidher li min qed imexxi fid-Dar Ċentrali mhux jaħsibha l-istess.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *