Huwa tal-mistħija li Lovin Malta tippubblika fuq il-mard ta’ persuna: ikompli l-wirt xejn sabiħ ta’ Daphne Caruana Galizia

Kif il-ħażin dejjem issib xi ħadd jimitah. Mingħalija konna ħlisna minn dak it-tip ta’ ġurnaliżmu. Imma sfortunatament erġajna waqajna f’dak il-livell baxx li ma jagħmel ebda ġid imma jxerred biss kattiverja.

Issa qalilna l-aħbar li Keith Schembri għand kanċer aġġressiv f’moħħu. Naħseb kuntent Julian Bonnici minn Lovin Malta li xerred ma kull rokna tal-pajjiż li bniedem, bħali u bħalek, jinsab marid serjament l-isptar. X’fiha news value aħbar bħal din? Għalfejn kellek tgħid lil kulħadd li Keith Schembri qiegħed l-isptar u għandu li għandu? X’ħadt biha din? Qed tistenna xi prosit?

Minn għandi disprezz kbir irċivejt. Min jaf kieku, Alla ħares qatt, disgrazzja bħal din tolqot lil xi ħadd minn tal-familja tiegħek, tieħu pjaċir li jxandrulek il-pjaga familjari ma kullimkien? Ara kemm il-liberali kienu jgħidu li qed tinvadi l-privatezza tal-persuna.

Din hija storja ta’ nuqqas ta’ sensibilita’ kbira. Din hija storja ta’ stmerrija kbira lejn l-artikolista. Ma ħaqqu ebda tifħir jew kredibilita’. Nispera li r-riżultat ta’ din il-kitba jkun biss li tingħad talba għal din il-persuna. Imma l-esperjenza għallmitna li meta kien jinkiteb dan it-tip ta’ ġurnaliżmu kien jitkompla b’tgħajjir u attakki aktar ħorox fuq il-persuna jew persuni nvoluti. Donnu dan il-ġurnalist għoġbu jinsa dak li kien jiġri qabel minn Daphne Caruana Galizia u biex jurina kemm hu bravu kkopja dan it-tip ta’ ġurnaliżmu li kien qażżeż lil kulħadd. Dan hu l-wirt li ħallietilna Daphne Caruana Galizia.

Anżi fakkarna wkoll x’kien għadda minnu l-istess raġel ftit tas-snin ilu. Silet l-aħbar ta’ Daphne Caruana Galizia (RIP) u prova jurina li kapaċi jkompli fejn ħalliet hi. Fuq dan l-istil ta’ kitba qatt ma qbilt ma’ Daphne u ħafna inqas se naqbel ma’ Julian Bonnici. Dawn huma fatti tal-ħajja tant personali, tant intimi għall-familja, tant sensittivi, tant ta’ swied il-qalb li ma għandhom qatt jiġu mxandra. Jekk iridu jxandruhom il-familjari tagħhom stess imma mhux il-ġurnalisti.

Dawn huma dettalji li għandna nħallu lil tal-familja jgħiduhom u jekk jidhrilhom li m’għandhom jgħidu xejn, irridu nirrispettaw l-għażliet tagħhom. Dan huwa ġurnaliżmu taż-żekżik. Jien nitbellah naqra affarijet bħal dawn. Jiena mgħallem li aħbar għandha tiġi studjata qabel imxerrda. Jekk hija aħbar li tista’ twassal għal żieda ta’ informazzjoni valida u mistennija, xandar kemm trid. Imma meta twassal biex ixxerred aħbar fuq mard li twassal biss biex toqtol il-kurżita’ ta’ dawk li dejjem ikunu jridu jafu fuq dak u fuq dik, allura tkun ħloqt biss sensazzjonalizmu.

Issa ħu pjaċir Sur Bonnici aqra kummenti ta’ stmerrija lejn wieħed l-isptar li qed jiffaċċja problemi. Jiena politikament ma naqbilx ma’ Keith Schembri. Jekk kien għamel żballji jħallas għalihom. Jiena nistmerr dak li allegatament qed jingħad li għamel. Biss ma nasal qatt li ninżel f’livell daqstant baxx li nxerred fuq is-sitwazzjoni fiżika tiegħu għax għandi rispett lejn il-persuna, hi min hi. Dawk l-affarijiet nħallihom għall-intimita’ tal-familja u jiena personalment ngħid talba ħalli l-Mulej jieqaf miegħu.

2 comments

  1. Naqbel li tinghad talba biex Alla jtih fejqan komplut. Anzi niehu awtorita u norbot dak kollu li qieghed iwaqaf milli jfiq u nidikjara fejqan shih f isem Gesu Kristu.

Leave a Reply