Francis Zammit Dimech ipprova jagħmel mażżra fuq id-deputati Nazzjonalisti fuq prinċipju morali u għarralu

Blog post minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista tagħtu rasu kif Marlene Farrugia faqqgħet is-sajjetta politika tagħha. Tant hu hekk li qed jipprova jagħlaq ħalq kull politiku fi ħdanu. Kienu ħafna dawk id-deputati, kandidati, ġurnalisti, attivisti u oħrajn li jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista li ħarġu jattakkaw il-mozzjoni mressqa minn Marlene Farrugia. Kienu ħafna li ppostjaw kitba li huma favur il-ħajja.

Jiena bħala nazzjonalist ma nara xejn ħażin. Anżi nieħu nota ta’ min qed jiddikjara apertament li hu kontra l-abort ħalli meta jasal l-mument tal-prova niftakar b’dak li jkun nkiteb u minn min. Ma nistax nifhem kif Partit li jippriedka d-dritt tal-espressjoni ħielsa jwaqqaf lin-nies tiegħu milli jiddikjaraw kif jaħsbuha huma bħala politiċi fuq suġġett bħall-abort.

Is-segretarju ġenerali tal-Partit, Dr Francis Zammit Dimech, ħareġ ordni biex ħadd ma jikkummenta jew jagħti opinjoni dwar kif jaħsibha fuq dan is-suġġett. L-email li bagħat hija kif ġej:

“IL-MPs kollha taghna m’ghabdhom jghaddu ebda kumment fuq il-private members’ bill fuq l-abort. – Francis Zammit Dimech, Segretarju Generali.” (sic.)

Imma dawn x’affarijiet huma? Mela dawn id-deputati u l-kandidati huma tfal tal-iskola, jridu joqgħodu għal dak li jintqal mill-adulti? Tgħid mhux se jikkonvini mod ieħor fuq xi ħaġa sensittiva bħal din. Tgħid mhux se jibdluli l-opinjoni ta’ kif naħsiba dwar l-abort. Tgħid mhux se jippruvaw jikkonvinċuni li rrid nivvota mad-deċiżjoni tal-Partit jekk ma nkunx qed naqbel ma xi ħaġa morali bħal din. Tgħid mhux se niċħad it-twemmin tiegħi biex inkun ivvutajt mal-linja ġenerali tal-Partit. Tgħid mhux se nidħol niddiskuti l-abort f’xi grupp parlamentari u jippruvaw jikkonvinċuni li rridu nkunu magħqudin u allura jippruvaw iwassluni biex ningħaqad mal-maġġoranza kontra l-prinċipji morali tiegħi.

Huma ordnijiet bħal dawn li jitfgħu lill-Partit Nazzjonalista fl-abbissi tal-livell politiku. Dan li tittratta’ argument morali fuq linja ġenerali jwassal messaġġ ta’ dittatorjat. Dawn huma messaġġi li jbiegħdu lill-votant mill-Partit Nazzjonalista. Din hija linja ta’ ħsieb ta’ Partit moralment inaċċettabbli, li jrażżan lin-nies tiegħu stess mill-jesprimu ruħhom fuq suġġetti ta’ portata morali, reliġjuża, u ta’ eżami tal-kuxjenza kbir.

Iftħu moħħkom.

Dan is-suġġett huwa sensittiv iż-żejjed biex tpoġġu l-argument politku qabel dak morali. Dan huwa suġġett li ma jitlobx kolleġġjalita’ fil-ħsieb tiegħu. Ħadd mill-amministrazzjoni ma għandu jirrendi suġġett morali f’wieħed politiku. Minn int int Dr Francis Zammit Dimech biex twaqqaf kull politiku fi ħdanek, biex ma jesprimix ruħu fuq twemmin, fuq kif tgħidlu l-kuxjenza, fuq kif trabba, fuq linja ta’ ħsieb morali?

Aktar kemm tordnaw ċuċati aktar toħorġu ta’ mażetti. Aktar ma tirristrinġu aktar toħolqu l-firda. Aktar ma trażżnu aktar toħolqu s-suppervja. Aktar ma tippruvaw tgħalqu l-ħluq aktar iżżidu feriti.

Imma kif il-Partit Nazzjonalista ma jitgħallem qatt.

Leave a Reply