Where your opinion counts

X’inhu l-effett politiku u fuq il-parlament tal-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia?

Il-pożizzjoni li ħadt Marlene Farrugia fuq l-abort ġabet diskussjoni sħiħa fil-pajjiż. Dan hux biss minħabba li tressqet mozzjoni li finalment qed tiftaħ it-triq għall-abort, imma l-aktar, minħabba li din il-mozzjoni tressqet minn persuna li sa ftit ilu kienet tħambaq kontra l-abort.

Għal ħafna, Marlene Farrugia qed tidher bħala ipokrita. Għal dawk li huma favur, Marlene Farrugia saret l-eroj tal-ġurnata.

Wieħed irid jiftakar li Marlene Farruiga kienet anki kontra l-morning after pill.  Ma’ Marlene Farrugia hemm anki Godfrey Farrugia. Godfrey Farrugia kien kontra l-abort u anki kontra l-morning after pill.

Numru ta’ Laburisti għadhom ma ħafrulhiex lil Marlene Farrugia, meta hija kienet ħaditha kontra l-Partit Laburista u attakkatu anki talli kien daħħal il-morning after pill. B’hekk din id-deċiżjoni ta’ Marlene Farrugia ser ikollha l-ikbar impatt fuq il-Partit Nazzjonalista.

https://m.facebook.com/marlene.farrugia.5/photos/pb.533692863422778.-2207520000.1468286618./915704815221579

Biss is-sitwazzjoni ser tkun aktar ikkomplikata. Ser ikollha effett anki ħażin fuq il-Knisja f’Malta. Dan għaliex, Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia kellhom fil-passat is-support tal-media tal-isqfijiet u kienu jingħataw ħafna importanza fuq Newsbook minħabba l-qrubija tagħhom ma’ Simon Busuttil.  

Forsi wieħed jista’ jgħid li Marlene Farrugia qed tilgħab bil-kliem. Marlene Farrugia mhux qed tgħid li hija favur l-abort imma qed tgħid biex li s-soċjeta’ ma għandhiex tikkundannax lil min jagħmel l-abort. Mingħajr ma nidħol fil-meritu ta’ din il-kwistjoni, in-nies interpretaw dan il-messaġġ bħala wieħed favur l-abort.

Biss jidher li dan kien pass politiku maħsub tajjeb. Marlene Farrugia qed tara l-futur tagħha bħala membru jew mexxej tal-Partit Volt anki jekk ċaħdet li hija ser tkun parti minnu. Hija qed tara f’din il-pożizzjoni ċ-ċans tagħha li tibqa’ fil-politika u fil-Parlament Malti.

Biss Marlene Farruiga trid pjattaforma. Il-Partit Volt għadu kif twaqqaf f’Malta u dan jista’ jagħtiha l-pjattaforma li għandha bżonn.

Fuq kollox, Marlene Farrugia taf li hija għandha l-forza fil-parlament biex tikkrea diskussjoni fuq dan is-suġġett. Dan għaliex taf li ser issib lil min ser jissekonda din il-mozzjoni, li bla dubju, ser ikun Godfrey Farrugia. B’hekk ikun jista’ jibda d-dibattitu fuq din il-private member’s bill.

Il-problema hija jekk qatt il-parlament jista’ jasal għall-vot fuq din il-mozzjoni. Naħseb hawn ser tkun l-ikbar sfida. Dan għaliex kollox jiddependi fuq l-elezzjoni. Jista’ d-dibattitu jibda qabel l-elezzjoni imma ma naħsibx li l-vot finali fuq din il-mozzjoni ser jittieħed qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. B’hekk kollox ser jiddependi fuq meta ser tissejjaħ l-elezzjoni.  Jekk sal-elezzjoni, il-vot finali ma jkunx għadu ttieħed, dan ikollu jittieħed wara l-elezzjoni. Biss hawn jista’ jkun hawn problema għal din il-mozzjoni, għax kollox jiddependi jekk Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia jkunx tellgħu fil-parlament. Infakkar li hawn qed nitkellmu fuq mozzjoni privata u mhux waħda mmexxija minn partit politiku. Mela biex titkompla, teoretikament, dak li ressaq jrid din il-mozzjoni jrid ikun preżenti fil-parlament. Jekk le, jkun irid jinstab xi ħadd mill-membri eletti li jkun lest li jkompliha. Biss niddubita kemm ser jiġri dan. B’hekk jekk Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia ma jitgħilux, jaqa’ kollox għaliex ma jibqa’ ħadd min imexxi din il-mozzjoni. Din hija issue ta’ proċedura.

Mela biex ma jaqgħax kollox, din tista’ tintuża bħala raġuni politika, waqt elezzjoni, għala n-nies għandhom jivvutaw lil Marlene Farrugia. Wieħed irid jiftakar li hija ħarġet fuq id-distrett ta’ Tas-Sliema fejn jidher li l-aktar hemm persuni favur l-abort u allura l-aktar li jistgħu jivvutawlha.

Dak żgur li ser jiġri huwa li l-abort ser ikun parti mil-logħba politika għall-elezzjoni li jmiss. Din il-mossa ta’ Marlene Farrugia ser ikollha effett fuq il-partiti l-kbar. Żgur li b’dak li għamlet ġabet tenzjoni fost il-partiti l-kbar. Din il-mozzjoni qed tkun interpretata bħala azzjoni biex Marlene Bonnici tieħu l-voti ta’ dawk fiż-żewġ partiti li huma favur l-abort. Fuq kollox, dan ifisser li Marlene Farrugia wriet biċ-ċar l-intenzjoni tagħha li toħroġ għall-elezzjoni.

B’hekk anki jekk il-biċċa l-kbira tal-Maltin huma kontra l-abort, din il-mozzjoni ser tqajjem inkwiet kemm fil-PN u anki fil-Lejber. Biss kif spjegajt, Marlene Farrugia taf li aktar għandha ċans terbaħ voti mill-PN milli mill-Lejber imħabba r-rabja li hemm kontra tagħha fil-Partit Laburista. Wieħed irid jiftakar ukoll li hija telgħet fil-Parlament bl-għajta ta’ koalizzjoni mal-PN u kienet kontra Adrian Delia. B’hekk qed tibbaża li tieħu l-voti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Din il-fazzjoni hija bħalissa wara Bernard Grech.   

Marlene Farrugia taf li dawk li huma favur l-abort ser jkunu lesti ma jivvutawx lill-partit tagħhom u jivvutaw lilha anki jekk taf li dan l-element huwa aktar qawwi fil-PN milli fil-Lejber.

Fuq kollox, din l-għażla tfisser li l-Alternattiva u l-partiti żgħar li huma ta’ xeħta xellugija jew liberali ser ikollhom jingħaqdu magħha u wisq probabbli mal-Volt jew jisparixxu. Dan il-partit ser ikollu għajnuna minn barra. Wieħed irid jiftakar li l-Volt għandu rappreżentanti fil-parlament Ewropew.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *