Il-mossa ta’ Marlene Farrugia ser twassal għar-referendum fuq l-abort?

Blog post minn osservatur politiku

Il-mossa ta’ Marlene Farrugia regħdet ix-xena politika tal-pajjiż. Imma x’hemm moħbi wara din il-mossa? L-ewwel messaġġ li twassalli din il-mossa huwa li l-mixja politika ta’ Marlene Farrugia ma tiġix fi tmiemha kif tispiċċa din il-leġislatura. Ms Farrugia ser tkun għal darba oħra kandidata fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Taħt liema bandiera hija xi ftit spekulattiva imma naħseb li Volt, l-aħħar partit li daħal fix-xena Maltija, qiegħed fuq quddiem biex jirbaħ il-kandidatura tagħha.

It-tieni huwa li hi ser tkun ħadet pożizzjoni li kif jidher sa issa, iż-żewġ partiti politiċi l-kbar, ser ikunu fuq in-naħa tal-Le għall-abort. Hawnhekk Marlene għandha x’tirbaħ għaliex hi taf, għax hija wkoll professjonista medika, li hawn ħafna Maltin u Għawdxin li jxaqilbu fil-ħsieb tagħhom lejn il-liberaliżmu u allura lejn il-possibilita’ li jidħol l-abort f’pajjiżna.

Bil-mossa politika tagħha, Marlene Farrugia ċaqalqet il-lasti tal-logħba politika f’pajjiżna. Hux se jitrażżnu jew jitnaqqsu l-kummenti li għaddejjin fuq dan is-suġġett bħalissa f’pajjiżna hija xi ħaġa li nkunu nafuha dalwaqt. Imma li hu żgur li b’din il-mossa Marlene Farrugia ċaqalqet il-ħsieb politiku ta’ ħafna nies. S’issa Marlene Farrugia tidher li qiegħda minn fuq, għaliex qed jidhru ħafna posts, artikli, opinjonijiet ta’ diversi nies, kemm kontra kif ukoll favur, u permezz ta’ hekk biss, Marlene Farrugia reġgħet rebħet il-post ta’ prima donna fil-politika.

Biss Marlene Farrugia qed tiġi mfakkra wkoll li hi, u s-sieħeb tagħha Dr Godfrey Farrugia, għamlu U turn qawwi. Kulħadd jiftakar, u min ma jiftakarx jista’ jaqra siltiet, għax qed jittellgħu ħafna fuq il-media soċjali, minn affarijiet li qalet Marlene Farrugia u anke Godfrey Farrugia fuq dan is-suġġett. Hawnhekk inħoss li biex ikomplu jirkbu fuq din il-mozzjoni li ressqet Marlene Farrugia, kemm hi kif ukoll Godfrey Farrugia, iridu jagħtu spjegazzjoni konvinċenti għaliex dawru l-ħsibijiet tagħhom u forsi wkoll ikunu aktar trasparenti dwar x’inhuma r-raġunijet ta’ din il-mossa. Jekk ir-raġunijet ikunu plawsibbli u aċċettati jkunu qed iressqu lejhom voti ta’ nies liberali u oħrajn li jikkontemplaw jaċċettaw id-dħul tal-abort f’Malta.

Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, it-tnejn jafu li l-vjaġġ politiku tagħhom kien qed jasal fi tmiemu. Allura la donnhom iridu jkomplu għaddejjin b’din il-parteċipazzjoni politika tagħhom, bilfors kellhom jaraw x’jaqalgħu biex jerġgħu jkunu fuq ħalq il-poplu. Naħseb li l-abort kien suġġett tajjeb li jintagħżel bħala mossa politika, għax dan is-suġġett ser ikun diffiċli biex jitressaq għad-diskussjoni minn xi membru tal-partiti l-kbar. Jien persważ li l-mossa ta’ Marlene Farrugia ħarbtet xi ftit kemm lil Dr Robert Abela kif ukoll lil Dr Bernard Grech. Jiena nemmen li t-tnejn ma xtaquhiex lejlet elezzjoni ġenerali. L-aħħar ħsieb tiegħi jwassalni għan-neċessita’ li din id-deċiżjoni tmur għand il-poplu. Id-divorżju, suġġett ħafna inqas delikat, mar għall-verdett tal-poplu. Mela l-abort, suġġett delikat, sensittiv, reliġjuż u aktar, bilfors irid imur għall-ġudizzju tal-poplu. Tajt din il-mossa ta’ Marlene Farrugia saret biex forsi jilħaq isir ftehim u l-vot f’dan ir-referendum jittieħed fl-istess ġurnata tal-elezzjoni ġenerali li ġejja?

Leave a Reply