Jien niċħad lil min ċaħad lill-pajjiżi

Blog post minn osservatur politiku

Jiena niċħad lix-xitan u lil dak kollu li tnissel minnu. Jiena niċħad lil kull Malti u Għawdxi li b’xi mod jew ieħor ċaħad lil pajjiżu. Jiena niċħad lil kull min ma eżerċitax id-demokrazija fil-pajjiż tagħna li kostituzzjonalment huwa dikjarat bħala pajjiż demokratiku. Jiena niċħad lil kull min uża kliem, għamel ażżjonijiet, ħoloq sitwazzjonijiet li b’xi mod jew ieħor weġġa’ lil ħutu Maltin u Għawdxin. Jiena niċħad lil kull min juża l-politika biex iweġġa’ xi Malti jew Għawdxi bħalu. Jiena niċħad lil kull deputat li juża l-politika bħal meżż biex juri lilu nnifsu bħala bniedem superjuri aktar minn ħaddieħor. Jiena niċħad lil kull min jinqeda b’xi okkazzjoni biex jgħaddi kummenti spreġjattivi fuq kull Malti u Għawdxi. Jiena niċħad lil kull min bħala Nazzjonalist ħa, qal, xtaq jew għamel xi azzjoni kontra kull Nazzjonalist ieħor. Jiena niċħad lil kull min għamel użu mill-poter mogħti lilu b’vot minn Nazzjonalisti bħalu biex flok għamel ħiltu biex ikun ta’ għajnuna lill-Partit għamel bil-maqlub. Jiena niċħad lil kull min immanipula biex laħaq jew poġġa lilu nnfisu b’pożizzjoni li ma tixraqlux.

Jiena niċħad lil dawk kollha li attakkaw lil kull kap li kellu l-Partit Nazzjonalista b’mod mhux aċċettabli. Jiena niċħad lil kull min għamel ħiltu biex ma ħalliex lil kull kap jaħdem. Jiena niċħad lil kull min ħa passi biex ifixkel fix-xogħol li kull kap kien qed jipprova jagħmel għal ġid tal-Partit Nazzjonalista u tal-pajjiż. Jiena niċħad lil kull min għamel il-bsaten fir-roti, b’mod mhux xieraq, biex kap partikulari ma jkunx jista’ jikkandida ruħu. Jiena niċħad lil kull min għamel attakki li ma kienux pruvati u li setgħu fixklu li proċess isir b’mod demokratiku. Jiena niċħad lil kull min ħareġ b’allegazzjonijiet biex jitfa’ dell ikrah fuq xi kandidat.

Jiena niċħad lil dawk kollha li flok ħadmu ma’ kap li tela’ demokratikament, għamlu ntoppi, ħolqu diffikultajiet, ivvintaw stejjer, provokaw gideb u affarijiet oħra lill-kap sedenti tagħhom. Jiena niċħad lil dawk li ħolqu gideb, xerrduh, ferxuh, lagħbuha tal-veritiera meta kienu jafu li kienu l-bogħod mill-verita’. Jiena niċħad lil kull min xerred gideb ma’ oħrajn, qabel ma kellu l-provi meħtieġa. Jiena niċħad lil dak id-deputat li wara ħafna xhur, anżi snin, ammetta li kien xerred ħafna gideb maħsub biex jagħmel ħafna ħsara lill-persuna partikulari u lill-Partit Nazzjonalista.

Jiena niċħad lil kull min xerred dak il-gideb mingħajr ma talab ebda prova u qagħad biss fuq il-kelma ta’ giddieb. Jiena niċħad lil kull min mar għand il-President tar-Repubblika biex itajjar lill-Kap sedenti tiegħu. Jiena niċħad lil kull deputat, kandidat u rappreżentat tal-Partit Nazzjonalista li bnew kampanja kontra kap sedenti mibnija fuq insinwazzjonijiet li issa rriżultaw li kienu fieragħ u giddieba. Jiena niċħad lil kull wieħed minn dawn imsemmija u ser niċħadhom anke f’dik fil-ġurnata mportanti tal-elezzjoni ġenerali li ġejja, billi nħalli l-kaxxa tal-vot rispettiva tagħhom vojta. Jiena niċħad lil kull min b’xi mod jew ieħor tellef snin ta’ ħidma lill-Partit Nazzjonalista u li minħabba f’hekk l-istess Partit għadu f’pożizzjoni ħażina ħafna lejlet elezzjoni ġenerali.

Leave a Reply