Jien nemmen li…

Blog post minn osservatur politiku

Jiena nemmen fija nnifsi. Jiena nemmen f’Alla li ħalaqni u fil-Knisja tiegħu. Jiena nemmen f’pajjiżi u ma nistħi qatt ngħid li jien Malti, inkun fejn inkun. Jiena nemmen li jien Nazzjonalist minn ġuf ommi. Jiena nemmen li jien nazzjonalist għax kbirt u emmint fil-valuri u l-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista. Jiena nemmen fil-valuri Kristjani u Demokratiċi tal-partit tiegħi. Jiena nemmen fid-demokrazija. Jiena nemmen f’dak kollu li jsir u jiġi ottenut b’mod demokratiku. Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista waqa’ f’nasba kerha u tilef ir-ruħ tiegħu. Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn mir-rebħa mqanżħa tal-2008. Jiena nemmen li anżi l-Partit Nazzjonalista sar arroganti iżjed. Jiena nemmen li minħabba l-atteġġjament tal-parlamentari tiegħu wara l-2008 kien ħaqqu jaqla’ tkaxkira tajba. Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista wara l-2013 tilef ir-rigni minn idejh.

Jiena nemmen li Dr Simon Busuttil kien iffluwenzat wisq minn Daphne Caruana Galizia. Jiena nemmen li n-narrattiva tagħha, kontinwament tħambaq kontra l-korruzzjoni, kienet ir-raġuni prinċipali, li l-Partit Nazzjonalista reġa’ ħa tkaxkira oħra fl-2017. Jiena nemmen li Dr Simon Busuttil kellu jirriżenja mhux biss minn Kap tal-Partit imma kellu jirreżenja wkoll minn deputat. Jiena nemmen li Dr Busuttil għamel ħafna ħsara lil Partit Nazzjonalista bħala deputat għax baqa’ għaddej bl-istess narrattiva li biha kien tilef l-elezzjoni tal-2017. Jiena nemmen li Dr Busuttil messu għalaq ħalqu, warrab u ħalla f’idejn it-tesserati, mingħajr ebda parir minn għandu, ħalli jagħżlu l-Kap ta’ warajh. Jiena nemmen li b’dak li qal Dr Busuttil, ftit siegħat qabel l-elezzjoni tal-Kap fl-2017, kien dnub sagrileġġ li l-Partit Nazzjonalista għadu jbatu l-konsegwenzi tiegħu sal-lum.

Jiena nemmen li Dr Adrian Delia, li tela’ skond l-istatut bil-vot tat-tesserati, huwa l-Kap leġittimu tal-Partit Nazzjonalista sal-lum. Jiena nemmen li sar żball kbir li l-klikka tar-ribelli rvillat kontra l-Kap tal-Partit. Jiena nemmen li meta l-grupp tar-ribelli fil-parlament mar għand il-President ta’ Malta biex itajru lill-Kap tagħhom, kienet azzjoni oxxena li Malta qatt ma rat bħala u li nispera li qatt aktar ma terġa’ tara. Jiena nemmen li dawk kollha li marru għand il-President ta’ Malta, biex ineħħu l-Kap tagħhom, tant irredikulaw lill-Partit Nazzjonalista li għandhom jabbandunaw il-politika b’mod immedjat. Jiena nemmen li jekk dawk id-deputati ribelli ma jitilqux mill-politika l-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt jieħu lura xi kwalita’ ta’ awtorita’ fil-pajjiż. Jiena nemmen li, bil-Partit Nazzjonalista kif inhu llum, mhux eliġibbli.

Jiena nemmen li Dr Bernard Grech għamel żball oħxon, kalkulat u maħsub meta ħareġ kontra l-Kap sedenti tiegħu. Jiena nemmen li Dr Bernard Grech qatt ma jista’ jiġi kkunsidrat Kap moralment leġittimu meta issa nafu li l-kampanja li bena hu u sħabu fuq l-avversarju tiegħu kienet mibnija fuq gideb ammess. Jiena nemmen li Dr Bernard Grech ma hux il-bniedem idoneu li jista’ jġib l-għaqda minħabba d-deċiżjonijiet li hu ħa kemm qabel ma kkandida ruħu kif ukoll wara. Jiena nemmen li jekk Dr Bernard Grech jibqa’ iwebbes rasu l-Partit Nazzjonalista ser jerġa’ isofri telfa kbira oħra.

Jiena nemmen li numru mdaqqas ta’ deputati ma għandhomx ikunu kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, tiġi meta tiġi. Jiena nemmen li dawk il-kandidati li ġew jaqgħu u jqumu mill-vot demokratiku tat-tesserati fl-2017, għandhom ikunu dawk il-kandidati li jisparixxu minn fuq il-karta tal-vot. Jiena nemmen li jekk ma humiex ser jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet drastiċi imma importantissimi, il-Partit Nazzjonalista ser isoffri minn xuttar ta’ voti li jista’ iwassal għal sitwazzjoni rreparabbli.

Jiena nemmen li kull min jaqra’ dan il-kliem għandu d-dritt li ma jaqbilx miegħu. Jiena nemmen li dak li ktibt ktibtu għax verament nixtieq li nara l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu r-ruħ, imma jekk ma jittieħdux id-deċiżżjonijiet fundamentali għall-Partit, dan l-istess Partit ser jibqa’ fl-abbissi li niżel fihom

Leave a Reply