Daphne Caruana Galizia żergħet ir-riħ: il-Partit Nazzjonalista qed jaħsad riefnu

Blog post minn osservatur politiku

Kemm ħela snin ta’ ħidma l-Partit Nazzjonalista għax rikeb fuq aġenda negattiva u konċentrata biss fuq il-korruzzjoni. Wara snin fil-Gvern, fl-2013 il-Partit Nazzjonalista ħa tkaxkira kbira u tilef il-Gvern b’mod ikrah ħafna. Donnu d-digsata tant kienet kbira, tant ħasdet lill-politiċi ta’ dak iż-żmien, li saret diffiċli ħafna issa għall-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jaqbad ir-ritmu.

Dr Simon Busuttil, bħala kap ġdid, prova jieħu s-sitwazzjoni f’idejh u fl-opinjoni sinċiera tiegħi, prova jerġa’ jindirizza lill-Partit Nazzjonalista lejn vizjoni differenti. Waqqaf kumitat ta’ esperti biex għamlulu rapport ta’ x’wassal għal dik it-telfa nkredibbli ħalli jkun analizzat u mwettaq. Ir-rapport jgħidilna li Daphne Caruana Galizia kienet waħda mir-raġunijiet fost ħafna għal dik it-telfa. Sfortunatament Dr Busuttil tefa’ dan ir-rapport fuq xkaffa jiġbor it-trab. Tant hu hekk li Daphne Caruana Galizia baqgħet tkun ta’ pressjoni kbira fuq Dr Busuttil li wasslitu biex tilef ir-riga politika tiegħu u flok naqqas l-importanza lejn il-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia, bħal ma qallu r-rapport, hu rikeb iżjed fuq in-narrattiva tas-sinjura Caruana Galizia.

Barra minn hekk, bħala Kap ta’ Partit fl-Oppożizzjoni, tilef ħafna ħin preżżjuż għall-Partit tiegħu għaliex ta’ importanza ħafna akbar għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Nammetti li l-korruzzjoni kien jixirqilha mportanza, imma nħoss li l-kap f’dawk l-erba’ snin, saħaq wisq fuq suġġett wieħed tant li meta wasslet l-elezzjoni bikrija fl-2017 inqabad fuq sieq waħda, u għamel kampanja fqira u dilettanteska, li wasslet għal telfa akbar mill-2013. Il-poplu Malti u Għawdxi tah sinjal ċar li l-politika tiegħu konċentrata biss fuq korruzzjoni ma kienitx dik il-politika mixtieqa. B’dispjaċir ngħid li għalkemm Dr Busuttil ħa selħa bla preċedent, mhux talli ma waqafx u siket, talli ndaħal fit-tiġrija li saret wara li hu r-reżenja għall-kap il-ġdid. In-narrattiva tas-sinjura Caruana Galizia tant kienet ta’ importanza għalih li rrepeta d-diskors tagħha fuq dan il-kandidat u emmen dak li kienet kitbet.

Żball oħxon li ħoloq inkwiet kbir fil-Partit Nazzjonalista għaliex dan il-kandidat rebaħ it-tiġrija. Imma Dr Simon Busuttil kompla fuq in-narrattiva tas-sinjura Caruana Galizia u sar il-vuċi tagħha fil-parlament. Aktar u aktar wara l-qtil makabru tagħha, Dr Busuttil kważi ħa l-pinna tagħha, il-ħsieb tagħha, it-twemmin tagħha, in-narrattiva tagħha.

Dan wassal għal disgwid kbir fil-Partit Nazzjonalista. Kellek kap ġdid li tela’ fuq l-għajta ta’ mod ġdid kif issir il-politika. Żgur kellu f’moħħu li, mhux ma jagħtix importanza lill-korruzzjoni, imma l-affarijiet tant importanti għan-nies kellhom jieħdu prima fila. Din ma kellhiex tkun għax ma tħalliex javviċina lejn in-nies. Kienu jaqfluh fl-uffiċju tiegħu jsolvi l-gambetti, il-battibekki, l-attakki, il-ħmieġ, l-insulti, il-qlajjiet u saħansitra l-gideb.

Nistaqsi jekk jeżistix xi pampalun f’dan il-pajjiż li seta’ jagħmel xi gwadann fil-pożizzjoni politika tiegħu u tal-partit li kien imexxi, meta kien qed jaffaċċja tant tfixkil?

Il-problema baqgħy anki wara li Simon Busuttil irreżenja minn deputat. Simon Busuttil baqa’ jmexxi l-agenda taCaruana Galizia u dawk li kienu influwenzati b’din l-agenda baqgħu jagħtu l-gambetti sa meta wasslu biex warrbuh.

X’għamlu dawn li qed isegwu l-agenda ta’ Daphne Caruana Galizia? Marru għal xi ħadd ieħor minn barra. Dawn in-nies inxteħtu wara dan il-bniedem, basta jaslu ineħħu l-Kap leġittimu tagħhom. Issa fejn qiegħdin? Fl-aħħar survey sirna nafu li għadna fejn konna fl-2013.

Prosit u prosit. It-tellief f’din l-istorja huwa l-Partit Nazzjonalista. Dan il-partit ma akkwista xejn. Dan il-Partit ma għamilx pass wieħed ‘l quddiem. Grazzi għal Dr Simon Busuttil u sħabu. Grazzi lis-sinjura Caruana Galizia li nfluwenzat b’mod qawwi lil ċertu politiċi. Grazzi lil dawk li belgħu din in-narrattiva. Il-Partit Nazzjonalista ħela żmien u snin u għadu jitlef.

Hemm ċans naraw xaqq dawl? Ma naħsibx. Meta tiżra r-riħ taħsad riefnu. Meta tiżra l-mibgħeda, il-kattiverja, il-ħdura kull ma tista’ tagħmel hu li titlef qalbek u ruħek. Tispiċċalek il-qrubija, l-għaqda, l-imħabba, il-lealta’, id-dedikazzjoni u l-impenn li tkun ta’ servizz lejn il-poplu tiegħek.

Leave a Reply