Kif ġie interpret is-survey tal-bieraħ fuq NET TV
Blog post minn osservatur politiku
Jekk tieħdux pjaċir jew toħorġux diżillużi meta tisimgħu tliet rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fuq in-NET TV janalizzaw il-gazzetti, ser inħalliha għall-ġudizzju tagħkom. Kif qal il-preżentatur, Dr Joseph Grech, kull darba li jkun hemm survey ikun preżenti l-membru parlamentari Hermann Schiavone li għamel id-dottorat tiegħu fuq l-elezzjonijiet.
Tiskanta kif għal Hermann Schiavone kull raġuni hija valida biex, meta jkollok survey diżastruż għall-Partit Nazzjonalista, insibu l-iskużi kollha mingħajr ma nħarsu fejn għandna nħarsu, jiġifieri fil-problemi li jeżistu internament. Hermann Schiavone qal li kien antiċipa li s-survey ta’ dan ix-xaħar kien ser ikun negattiv għall-Partit Nazzjonalista. Nispera li jkun hemm xi ħadd minn sħabu, li qal li tkellem magħhom, biex jikkonfermaw din l-antiċipazzjoni ta’ riżultat ħażin.
Schiavone qal li kemm ilu li sar Kap Dr Bernard Grech, is-surveys kienu qed juru numri favorevoli. Ma qalx li kien kuntent almenu, imma qal li ma kienx qed jistenna li l-Partit Nazzjonalista jieħu daqqa lura bħal din. Huwa qal li t-trust rate niżlet b’10%. Imma oħroġ il-għaġeb f’daqqa waħda ħareġ il-fenek mill-kappell u sab li r-raġuni prinċipali għal dan ir-riżultat kienet minħabba storja negattiva li telgħet fuq facebook. Semma x-xogħol qawwi li sar mill-partit matul l-istess ġimgħa li sar dan is-survey. Semma l-clusters li ġew varati għat-tieni darba u li suppost kulħadd kien qed jitkellem fuqhom. Semma diversi proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista imma oħroġ il-għaġeb in-nies tkellmu biss fuq l-avveniment negattiv ta’ battibekk ta’ żewġ posts bejn żewġ membri tal-parlament.
Addirittura Hermann Schiavone sejjaħ dawn iż-żewġ posts bħala saga. Skond Schiavone din is-saga kienet ‘uncalled for’ jiġifieri ma kienx hemm bżonnha u stajna ngħaddu mingħajrha. Mela Schiavone flok qalilna li n-narrattiva, l-ideat, il-proposti, etc etc li qed isiru mill-Partit Nazzjonalista ma humiex jaslu għand in-nies sab ‘scapegoat’ tajjeb ħafna u waħħal f’Jason Azzopardi u Adrian Delia. Ħaġa oħra li qalilna Schiavone hija li dan is-survey qaleb ix-xejra ta’ dan l-aħħar xhur u jittama li din ix-xejra negattiva ma tibqax għaddejja fis-survey tax-xahar li ġej. Imbagħad Hermann Schiavone qalilna li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun partit magħqud u mġedded.
Irrefera wkoll għad-deċiżjonijiet iebsin li wiegħed li ser jieħu Bernard Grech. Imma tafu għaliex ma ħadhomx dawn id-deċiżżjonijiet? Għaliex skond Schiavone dawn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu matul Kunsill Ġenerali u dan kellu jitħassar minħabba l-COVID. Dr Schiavone, l-Kunsill Ġenerali jista’ jintalab jibdel xi klawsoli fl-istatut imma jaħasra d-deċiżjonijiet joħodhom il-Kap.
Qalilna wkoll li Dr Bernard Grech mhux qed imexxi partit fin-Nord Korea u għalhekk jistenna l-Kunsill Ġenerali biex jieħu d-deċiżjonijiet. Diġa nesa dan id-dottore li nhar il-Ħamis, Dr Bernard Grech staħba wara l-eżekuttiv biex forsi jieħu xi deċiżjoni u fil-fatt ma ħax. Il-messaġġ li ħareġ nhar il-Ħamis kien li Dr Grech m’għandux il-kuraġġ jew ma jistax jieħu deċiżżjoni u nħeba wara l-eżekuttiv. Hawnhekk Schiavone ġibidlu widnejh lil Bernard Grech, meta qallu li għolla l-aspettattiva tan-nies, id-deċiżjonijiet ma ħadhomx u din l-attitudni irriflettit fin-numri tas-survey. Meta tkun maqtugħ min-nies totalment ħlief ċuċati u ħmerijiet ma tgħidx.
Imbagħad kellna lil Dr Paula Mifsud Bonnici li lluminatna ftit iżjed. Mela din il-kandidata qaltilna li s-survey kienet stampa ta’ dik il-ġimgħa li fiha jkun sar. Tgħid li għalkemm fil-partit saru ħafna affarijiet tajbin, in-nies ġew aljenati b’dak li ġara fuq Facebook. Imma r-raġuni għal Paula Mifsud Bonnici kienet il-COVID. Hija qalet li peress li n-numri ta’ infezzjonijet kienu baxxi, minħabba li t-tilqim kien għaddej b’ritmu tajjeb, u anke għax il-gvern naqqas ir-restrizzjonijiet, allura dawn kollha kellhom effett fuq is-survey. Imma biex issaħħaħ l-argument qalet li meta Dr Robert Abela kien tkessaħ dwar il-virus u għamel deċiżjonijiet ħżiena dak kellu effett fuq is-survey dak iż-żmien ukoll.
L-aħħar battuta fina tagħha kienet li n-nies mhux qed jaraw ix-xogħol kbir li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista u allura n-nies reġgħu tbiegħdu mill-Partit Nazzjonalista. Il-preżentatur ried jagħtina ukoll l-interpretazzjoni tiegħu. Qalilna li hu ġej mill-cohort taż-żagħżagħ. Dr Joseph Grech qal ukoll li l-ispat li sar fuq facebook ma għinx, imma ammetta li l-Partit Nazzjonalista għadu ma kkonvinċix liż-żagħżagħ. Joseph kompla jgħid li ż-żagħżagħ għadhom diżillużi ħafna bil-politika. Nixtieq infakkru lil dan l-avukat li hu ilu jokkupa l-Presidenza tal-fergħa taż-żagħżagħ għal numru mhux ħażin ta’ snin. Din il-problema taż-żagħżagh ilha għaddejja. Allura dan l-avukat (kandidat) ma jħossx li hu ma rnexxilux ikun konvinċenti maż-żagħżagħ għal numru ta’ snin? Allura ma jidhirlux li għandu jwarrab u jħalli oħrajn imexxu din il-fergħa b’ideat ġodda u b’entużjażmu aktar konvinċenti?