Il-ħames kanunata kontra Bernard Grech. Illum kienet fil-media tal-knisja

Illum hija l-ħames ġurnata u fiha sar il-ħames attakk fuq Bernard Grech. Din id-darba, deher artiklu kontra Bernard Grech fuq il-media tal-knisja. Dan inkiteb minn Desmond Zammit Marmara. Ma għandix dubju li Zammit Marmara ma hux parti minn xi komplot kontra Grech xorta dan l-artiklu jidħol fil-kampanja medjatika fejn ser nibqgħu naraw artikli ta’ kuljum, f’gazzetti differenti, kontra Bernard Grech. Zammit Marmara kiteb hemm:

“Issa ħareġ ċar li l-allegazzjonijiet li wasslu għat-tneħħija ta’ Dr Adrian Delia minn kap tal-Partit Nazzjonalista kienu bla bażi u għalhekk diġà hemm ħafna nies li issa qed jaraw lil Dr Bernard Grech bħala Kap illeġittimu.”

B’din l-istqarrija meħuda mill-kitba ta’ Desmond Zammit Marmara, dan il-kittieb qed jgħid lil Dr Bernard Grech li huma ħafna dawk, kemm Nazzjonalisti kif ukoll Laburisti, li qed jarawh bħala l-bniedem li sar kap, minħabba gideb sfrenat minn wieħed mill-akbar sostenituri li kellu waqt il-kampanja tiegħu. Desmond Zammit Marmara qed jagħmilha ċara li votant isibha bi tqila li jivvota partit li jidher b’mod ċar li hu maqsum, għalkemm il-kap kurrenti kien wiegħed kemm-il darba li l-ewwel ħaġa li kien ser jagħmel hu li jagħti l-enerġija kollha tiegħu biex jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista. X’għaqda hi din Dr Bernard Grech?

Anke Mr Zammit Marmara qed jgħid li kulħadd jaf li meta ħallejt lill-politiċi stabbiliti jtellgħuk u jpoġġuk f’dak is-siġġu, ikun diffiċċli jekk mhux impossibbli li tagħmel xi ħaġa li biha tista’ tweġġagħhom, anżi tkun spiċċajt pupazz f’idejhom qabel ma bdejt. Huwa sigriet magħruf li Dr Bernard Grech kisser u qalleb ix-Shadow Cabinet wara li kważi ħadd ma aċċettalu dak li offrilu. Dak in-nhar kellu jdoqq l-irtirata u wriet debbolezza kbir fit-tmexxija ta’ Dr Bernard Grech. Anke rigward l-aħħar saġa (kif sejħilha Hermann Schiavone) l-awtur tal-artiklu qed jgħid li Dr Bernard Grech ħareġ tassew dgħajjef.

Dr Grech prova jagħmel furur u spiċċa għamel balbuljata mill-kbar. Deher ċar li ta’ madwaru ġebdulu mhux spaga waħda, imma diversi, tant li ntilef u spiċċa għamel qassata. Ara x’qallek Desmond Zammit Marmara. Ara jekk hux l-istess ta’ dak li ilni nikteb ħafna f’dan is-sit. Dr Grech int, jew rasek iebsa, jew ma hemmx makakkerija politika, jew ma tistax.

Jekk mhux ser titbiegħed u tiċħad lis-soċjeta ċivili b’qawwa, bħalma Ġuda caħad lil Kristu, din l-istess soċjeta’ ċivili ser tbiegħdek minn ħafna iżjed votanti, ser tkissrek u tkisser il-Partit Nazzjonalista. Is-soċjeta’ ċivili ser toħonqok u ġġibek fi stat li kull ma tgħid jew tagħmel ma jkun ifisser xejn.

Oħra li fiha naqblu jiena u Desmond Zammit Marmara. L-istil tat-tmexxija tiegħek Dr Bernard Grech, li dejjem tipprova ma tieħux pożizzjoni fuq kull ħaġa, taħraq kemm taħraq, qed tibgħat messaġġ li int wassalt lill-Partit Nazzjonalista qisu partit bla politika.

Qed ittellef is-sinifikat ta’ x’qed jagħmel hemm il-Partit Nazzjonalista. B’daqsxejn ‘tongue in cheek’, Mr Zammit Marmara qed jitħassar lill-Partit Nazzjonalista li wasal f’dan id-diżastru politiku wara tant kapijiet ta’ statura kbira. Qed jirrikonoxxi l-ġid kbir li sar waqt it-tmexxija diversa ta’ gvernijiet Nazzjonalisti. Imma jikkonkludi li wara dak li donnu ġej, jiġifieri wara li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu tkaxkira oħra, l-onus ser jaqa’ fuq Bernard Grech. Ser ikollu jwarrab u jitpoġġa jew titpoġġa dak jew dik li diġa’ midluk jew midluka.

Leave a Reply