Ser jissejjaħ l-esekuttiv jew il-grupp parlamentari wara dan is-survey disastruż?

Blog post minn persuna membru tal-esekuttiv tal-Partit Nazzjonalista

Il-Malta Today ħarġet survey ieħor u n-numri qed jitkellmu waħidhom. Kif għidt tajjeb inti, Dr. Simon Mercieca, fil-post li tellajt dwar is-survey tal-lum, dan is-survey juri riżultat disastruż ħafna. Mela nistenna li issa tissejjaħ laqgħa b’urġenza tal-grupp parlamentari u tal-esekuttiv.

Qed nistenna bil-ħerqa din l-email ħbieb ħalli niddiskutu x’ser nagħmlu bil-kap il-ġdid bħalma kien isir fi żmien il-kap ta’ qabel. Mela Bernard Grech mhux kap ukoll? Mela fejnhom dawk li kienet taħraqhom qalbhom għall-Partit Nazzjonalista fi żmien kap ieħor? Dawn in-numri mxandra mill-Malta Today illum ma sarux inkwetanti iżjed? Il-Partit Nazzjonalista eliġibbli jew le b’dawn in-numri?

Meta kellna dawn in-numri qabel dejjem kontu qiskom inkwetati li qatt ma aħna ser naraw il-gvern. Issa qisu ma ġara xejn, meta nafu li għalkemm bdilna it-tmunier xorta qed naqilgħu tkaxkira fin-numri. Ejjew ħbieb ħalli nieħdu ftit pjaċir immorru niltaqgħu u narmaw ngħajtu ‘barra, barra’. Issa għandna fuq xix għax sejrin lura mhux ‘l quddiem. Nispera li ma tliftux it-testiera tal-computer tagħkom jew qed issibuha diffiċli biex tgħajtu laqgħat. Kienet tant faċli għalikom ftit taż-żmien ilu, issa qed issibuha bi tqila?

Jekk ma toħroġx is-solitu komunikazzjoni biex niltaqgħu ħa naraw x’ser nagħmlu, nkunu rredikolajna lilna nfusna, għax aqta’ kemm ser jgħajruna li qed nimxu b’two weights two measures. Aħna membri tal-għola istituzzjoni tal-partit l-aħwa ta, kif nistgħu nirredikolaw irwieħna b’dan il-mod? Il-Labour ser jagħmel xalata minn fuqna u ser toħroġ ċara li mhux in-numri kienu qed jinkwietawna imma l-persuna.

Ser nikxfu idejna, jekk mhux diġa’ mikxufin sewwa, li aħna kellna, u forsi għad għandna, lanżita kbira għall-kap ta’ qabel. Ma jistax ikun ħbieb! Naraw x’ser nagħmlu għax qed nirredikolaw lilna infusna, lill-partit glorjuż tagħna, li suppost aħna rridu nuru li nħobbuh ħafna, u anke lill-pajjiżna. Qatt u qatt ma stennejt hekk! Daqs kemm għidna u ddiskutejna li jekk jitla’ Bernard Grech ser immorru ‘in the green flok in the red’. Mhux hekk kien qalilna Louis Galea! Ejja ħbieb ftit tax-xhur ilu kienet tant faċli li mmorru d-Dar Ċentrali bi tbissima fuq fommna u nidħlu qisna suldati tal-azzar għall-gwerra.

Id-deputati tagħna ħassew id-dmir, biex f’isimna saħansitra mmorru għand il-President minħabba n-numri. Issa fejn ser immorru, min ser jilqana’, min ser jemminna li aħna verament inħobbu l-partit tagħna? Qed ninsew li d-deputati tagħna huma l-Blue Heroes ta’ pajjiżna? Qed ninsew li aħna konna dawk li ppruvajna nuru li konna l-aqwa suldati viżjonarji tal-partit tagħna? Qed ninsew kemm ċempilna tesserati u kunsilliera biex ngħidulhom, anzi le nwiegħduhom, li kif nibdlu l-Kap ser noħorġu rebbieħa żgur? Kuraġġ ħbieb, għiduli fi x’ħin irrid inkun id-Dar Ċentrali? Jien niġi żgur.

Leave a Reply