Għaliex is-sitwazzjoni mhix risolta fil-Partit Nazzjonalista

Advertisements

Blog post minn osservatur politiku

“Is-sitwazzjoni risolta, spiċċa żmien it-teatrini fuq Facebook” – Bernard Grech. Hekk qal Dr Grech lil Newsbook. Imma dan bis-serjeta’? Kif tista’ tkun risolta sitwazzjoni bħal din? Kif tista’ tkun risolta għax ħarġet dikjarazzjoni? Kif tista’ tkun risolta jekk ma tifhimx x’hemm miktub u tara x’ser tagħmel fuqhom? Kif tista’ tkun risolta meta għandek deputat tiegħek jammetti li tant qal gideb li ħoloq narrattiva li għamlet ħsara enormi lil Partit Nazzjonalista? Kif tista’ tkun risolta mingħajr ma tħares lejn l-effetti li din id-dikjarazzjoni ser tħalli fuq is-sitwazzjoni tal-Partit? Kif tista’ tkun risolta meta int stess taf li qiegħed, jew poġġewk, fuq pultruna li ma tappartjenix lilek?

Dr Grech wake up and smell the coffee jekk trid tkun emmnut. Din id-dikjarazzjoni offensiva tiegħek lil Newsbook toħloq fija u f’ħafna partitarji oħra tant rabja u tant emozzjonijiet konfliġġenti li nħossni ser nitbiegħed iżjed mill-Partit Nazzjonalista. Taf x’sar il-Ħamis li għadda? Jew tħares sa mnieħrek biss. Jew tant int iggranfat mas-siġġu, li taf li mhux tiegħek, li kollox ser jibqa’ għaddej qisu ma ġara xejn.

Int urejtni b’dan li għidt lil Newsbook li veru temmen f’dak li tħobb tgħid ‘li kien kien u li sar sar’. Taf kemm ilkom titnejjku bin-Nazzjonalisti? Taf kemm ilkom tgħajru lili u lil nies li tajna s-support tagħna, b’kull dritt, lil Dr Adrian Delia? Taf li aħna qlajna tant titli li sirna qtates, laburisti, trolls tal-labour, ħnieżer, ħamalli, pċielaq, nies tat-tielet klassi u ħafna titli oħrajn? Issa x’ser tagħmel int la s-sitwazzjoni risolta biex tiġbor ġieħek? X’ser tagħmel int li meta rajt ix-xoqqa f’moxta tlaqt tiġri titliegħeq għand Louis Galea biex tkun int is-salvatur tal-Partit Nazzjonalista? X’għamilt int dak iż-żmien biex tara li dak li kien qed jintqal fuq l-avversarju tiegħek kienx veritier? Jew kont kuntent b’dak kollu li kien qed jintqal għaliex kull ġurnata li l-valenu żied id-doża, int kont qed takkwista l-voti? X’ser tgħidilhom issa lit-tesserati li vvutawlek? Ser tgħidilhom li inti ma tħossokx dehen li tibqa’ tmexxi meta int dħalt għal din it-tellieqa msejsa fuq nuqqas kbir ta’ verita’? Kif ser ikollok il-wiċċ tħares f’għajnejn kull min jersaq lejk, kull ġurnalist, kull persuna li tidħol fl-uffiċċju tiegħek meta taf li int qed tokkupa post li mhux tiegħek? Kif ser tħares f’wiċċ Adrian Delia u tgħidlu b’konvinzjoni li inti l-Kap tiegħu meta kien Delia stess li kkonvinċik li tkun kandidat? Issa li taf li l-blue heroes poġġewk hemm fuq narrattiva kkalunjata, x’ser tagħmel bihom dawn in-nies faċċoli?

Issa li nafu b’ċertezza kemm il-pożizzjoni tiegħek ma fadliliex saħħa, x’ser tagħmel b’dawk li l-ħin kollu jiġbdulek l-ispaga? U bil-wiċċ vili tgħid li s-sitwazzjoni risolta. Għadha lanqas bdiet. Il-Ħamis li għadda inxtegħlet in-niċċa. In-nar għad irid jaqbad sewwa. Imbagħad naraw jekk intix politiku integru jew opportunist.