Messaġġ emozzjonanti ħafna ta’ Dr. Adrian Delia fejn fih jirringrazzja lil dawk kollha li wrew support miegħu

Fuq Pjazza, il-bieraħ il-Ġimgħa, il-preżentatur irregalalna voice clip ta’ Dr Adrian Delia mimlija emozzjoni. Milli smajna, dan il-voice clip donnu ntbagħat lill-ħbieb tiegħu li għadhom warajh u baqgħu jemmnu fih. Xi ħadd b’xi mod jew ieħor għadda dan il-voice clip lil nies oħra u saħansitra wasal għand il-ONE u ovvjament spiċċa fuq il-Programm Pjazza.

Il-messaġġ ta’ Adrian Delia hu kif ġej:

“Messaġġ żgħir għax emozzjonat wisq bħal issa. Biex nirringrazzja lil dawk kollha illi baqgħu jemmnu fiha meta kien hemm kollox kontrija. Grazzi minn qalbi, Napprezza għall-għomri. Nista’ nitlef elf elezzjoni imma l-verita’ toħrog u l-integrita’ ma nitlifa qatt. Grazzi ħbieb”.

Ma ħossx li dan il-clip għamel xi ħsara lil Dr Adrian Delia. Hu messaġġ qasir imma sinċier u kollu emozzjoni. Għaliex qed ngħid dan? Dr Adrian Delia qal dawk l-erba’ kelmiet wara li kien għadu kif telaq mid-Dar Ċentrali. Nista’ nimmaġina minn xix għadda meta kien jaf li kien hemm movimenti u konfoffi biex jippruvaw ma jħalluhx ikun kandidat tal-Partit Nazzjonalista. Anke min jaqra l-media soċjali jinduna bil-ħdura li hemm tiġri fil-vini ta’ ċertu nies li huma għomja politikament u jaħilfu biss li jkomplu jxerrdu l-mibegħda.

Smajt messaġġ ta’ persuna emozzjonata mmens. Smajt messaġġ ta’ persuna li jinħass li t-tbatija li għadda minnha kienet waħda akuta. Smajt messaġġ ta’ ringrazzjament sinċier lil dawk li emmnu s-sewwa u emmnu fih. Smajt messaġġ minn bniedem li wara dawk l-istalletti kollha mwaħħlin ġo dahru ħass sens ta’ riljiv. Biss mill-bidu ħadd ma kellu juża stallett wieħed. Smajt messaġġ minn persuna li fi tliet snin tellfuh kollox u issa riedu jkomplu jivvendikaw ruħu b’mod mill-aktar moqżież.

X’qed jgħidilna dak il-messaġġ? F’dan il-messaġġ, Adrian Delia bagħat jgħid li mill-ewwel ġurnata li wera interess li joħroġ għall-politika, ma kellux ħsieb li jinqeda bil-politika imma kellu f’moħħu li jiddedika ħajtu għall-Partit Nazzjonalista. Ħarġet ċara f’dawk l-erba’ kelmiet li qal fil-messaġġ, li wara dawn is-snin li għadda fil-politika jaqla’ ġo l-istonku tiegħu kien hemm numru ta’ nies li rifsilhom il-kallu mill-ewwel u ma aċċettawx il-preżenza tiegħu fil-politika. Il-kliem li qal fisser li ma jħalli lil ħadd itappanlu jew iħammiġlu l-integrita’ tiegħu għal ebda raġuni.

Kemm huwa mportanti li ma tħalli lil ħadd imisslek l-integrita’ tiegħek. Fil-fatt, Dr Adrian Delia qal li l-aktar ħaġa għażiża għalih kienet li dak li ġara fl-istess jum, li suppost l-istess nies riedu jtemmu l-ħajja politika tiegħu, min kien il-perċimess li tant qala minn żniedu, tant gideb fuqu, tant immanipula nies kontra tiegħu, tant xerred valenu li wasal biex ħafna Nazzjonalisti emmnuh, tant ħadem kemm felaħ li dawwar 70% tal-kunsilliera kontra tiegħu, spiċċa bela’ mhux biss sa griżmejh imma saħansitra sal-istonku tiegħu l-gideb kollu li hu xerred matul dawn l-aħħar snin.

Jiena nirringrazzjah lill-preżentatur ta’ Pjazza talli tani l-privileġġ li nisma’ messaġġ sinċier, ħiereġ mill-qalb ta’ persuna li soffra, messaġġ li ma kien fih ebda attakk lejn min għamillu daqstant ħsara, imma messaġġ ta’ ringrazzjament u ta’ kuraġġ lil min baqa’ jafda fih. Dan il-messaġġ tefgħani lura għal meta rajna lill-mibki Alexander Cachia Zammit ħiereġ mill-qorti liberat u rebbieħ fuq l-għadu politiku tiegħu li prova jsallbu tant snin ilu. Alexander Cachia Zammit ħareġ mill-qorti libes kuruna tal-fjuri b’turija ta’ appoġġ u b’risposta lejn dawk kollha li kienu qed jistennew il-verdett.

Persważ li Dr. Adrian Delia ma riedx fjuri, imma li sserraħ qalbu wara snin ta’ qlajjiet koroh, huwa mument tant emozzjonanti. U hekk hu. Għax dak il-messaġġ ma kien xejn, ħlief emozzjonijiet kbar li ħarguh minn infern li, dawk li suppost sħabu, għamlu ħilithom kollha biex jitfgħuh fih. Iż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma. Dr Delia nifraħlek u ppermettili naqsam miegħek dawn il-mumenti sbieħ għalik u għall-għeżież kollha tiegħek.

Grazzi.

Leave a Reply