Jason Azzopardi waqa’ fis-silenzju wara tliet snin jigdeb fuq Adrian Delia

Blog post minn osservatur politiku

Għaddew diġa’ kważi erbgħa u għoxrin siegħa u għadna ma smajna xejn minn għand Jason Azzopardi dwar l-ammissjonijiet kbar li huwa għamel fid-dikjarazzjoni li ffirma nhar il-Ħamis. Fl-opinjoni umli tiegħi, Jason Azzopardi jrid joqgħod jixtarr u jistudja tajjeb kull kelma li hemm miktuba fid-dikjarazzjoni, b’attenzjoni speċjali għal paragrafu 5. Ser nerġa’ nikkuppjah hawn ħalli tkunu tistgħu taqrawh għal darba oħra.

5. Jason Azzopardi jiddikjara wkoll li Adrian Delia ma huwiex fil-but ta’ ebda negozjant u jiġġieled għalhekk il-korruzzjoni mingħajr xkiel jew kompromessi. F’dan il-kontest ukoll huwa m’għandux għalfejn jaħseb illi b’xi mod il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia jew Adrian Delia nnifsu għamel xi azzjoni jew ħa xi deċiżjoni biex David Casa ma jkunx elett bħala Membru Parlamentari Ewropew u li ma jirriżultalux li hemm il-mijiet ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia.

Dan il-paragrafu waħdu huwa biżżejjed biex inaffar lil kull bniedem interessat biex jitbiegħed u jitnaffar mill-politika. Li tagħmel ritirata bħal din tfisser ammissjoni ta’ dnubiet mejta, kif konna ngħidu meta nqerru, li ma jinħafrux billi tgħid ‘skużawni’ jew billi tfajjar firma fuq dikjarazzjoni. Dawn it-tlett ammissjonijiet fissru żmien storiku ikrah u ikrah ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Dan il-paragrafu għad irid jitniżżel fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.

F’dan il-paragrafu hemm imniżżla tliet gidbiet madornali li biddlu l-andament tal-Partit Nazzjonalista. Iżda agħar minn hekk dan il-gideb wassal biex ġie emmnut saħansitra minn deputati fil-parlament fuq in-naħa tal-oppożizzjoni. Lili, wieħed mid-deputati qalli personalment dawn il-preċiżi kelmiet:

‘kif nista’ nivvutalu (lil Adrian Delia) meta għandu daqshekk messaġġi fuq Whatsapp kompromettenti’.

Dan id-deputat, rappreżentant ta’ eluf ta’ votanti u ħabib ta’ għexieren ta’ tesserati, li bela’ sa l-istonku tiegħu l-gideb ta’ sieħbu Jason Azzopardi, min jaf kemm influwenza tesserati biex ma jagħtux il-vot tagħhom lil Dr Adrian Delia. Esperjenza oħra li għaddejt minnha kienet ma’ kunsilliera f’Kunsill Lokali, kif ukoll kandidata għall-elezzjoni ġenerali qaltli f’wiċċi,

‘jiddispjaċini Adrian mhux qed jikkonvinċini li ma għandux chats ma’ Yorgen Fenech’.

Tistgħu timmaġinaw kemm influwenzat tesserati fuq dan il-gideb li min jaf kemm kien ilu itambrilha Jason Azzopardi. Jiena qed inħossni diżulluż u ħafna aktar imweġġa’. Il-Partit Nazzjonalista li għaddejt ħajti nimmilta fih daħak bija. Dan kien il-Partit li kull meta kap sejjaħli smajtu, kull meta kap talabni nimxi warajh mort u akkumpanjajtu, kull meta kap li wissieni qgħadt għat-twissija tiegħu, kull meta kap ordnali nieħu azzjoni ħadtha mingħajr ebda eżitazzjoni, issa daħħalli dubji serji. Kif nista’ jien nibqa’ nħares lejh bl-istess imħabba li ħabbejtu f’għomri kollu? Kif nista’ nibqa’ nafdah meta naf li fil-qalba tiegħu kien hemm persuna li vvintat gideb fuq il-kap tiegħu u tiegħi? Kif nista’ nħossni komdu meta naf li l-maġġoranza tad-deputati, li suppost qed jirrapreżentaw lili u lin-nazzjonalisti bħali, belgħu sal-istonku tagħhom gideb inkredibbli? Kif nista’ nafdhom iżjed lil dawn in-nies? Kif nista’ nemmen dak li ser jgħidu mill-lum ‘l quddiem? Min ser jikkonvinċini li dawn ma belgħux xi lixka oħra?

Ma ninsewx li f’dak il-paragrafu kkupjat mid-dikjarazzjoni, kelma b’kelma, fih tlett gidbiet li politikament ma jistgħu jinħaffru qatt. Min jaf jekk hemmx iżjed minn dawn il-gideb? Jista’ fejn kien hemm tlieta, ikun hemm oħra, tnejn oħra, tlieta oħra, u nista’ nibqa sejjer. Dan il-paragrafu waħdu qed ixejjen il-qawl Malti li ‘il-giddieb għomru qasir’. Għomru qasir meta dan il-gideb ilu magħna aktar minn tliet snin? Għomru qasir meta taħseb li fi tliet snin dan il-gideb qanqal maltemp kbir li kisser il-Partit Nazzjonalista u bidel għal kollox it-twemmin tiegħu?

Grazzi għal dan il-gideb rajna l-valenu jinxtorob, il-ħdura tixxerred, il-mibgħeda tissaħħaħ, id-diviżjoni tirrenja u t-tgħajjir isaltan. Fejn mortli Partit Nazzjonalista? Fejn waslitek l-għira? Fejn ġarrek il-gideb? X’tip ta’ nuċċali rrid nilbes biex nerġa’ narak demokratiku u kristjan?

One comment

  1. U issa x’ha jsir minn Jason Azzopardi wara dan il gideb kollu? Ha jiehu azzjoni kontrih il PN? Kif ili nghid jien,li b’nies bhall Jason Azzopardi il pn qatt mhu ha jiehu ruh

Leave a Reply