It-tielet jum: attakk fuq Bernard Grech minn The Shift News
Qegħdin fit-tielet jum minn wara l-laqgħa tal-esekuttiv li kellha ssir fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech jiffaċċja t-tielet attakk fuq it-tmexxija tiegħu. Din id-darba l-kritika tiġi minn Blanche Gatt fuq The Shift. Gatt tgħidilna li s-soluzzjoni ta’ Bernard Grech issaħħaħ il-konvinzjoni li huwa nieqes mid-don tat-tmexxijja u ħafna il-bogħod minn dak li wieħed kien qed jistenna minnu.
Ms. Gatt tgħid li bi gvern li qed jhedded li jaqlibha lill-mafia ta’ Sqallija fil-livell ta’ kriminalita’, huwa ta’ rabja kbira li jkollu jinħela tant żmien biex noqogħdu neżaminaw il-Partit fl-Oppożizzjoni. Hija tgħid li l-Oppożizzjoni għandha taħli l-enerġija tagħha kollha biex ittertaq il-parlamentari fil-gvern u tkun xaqq ta’ dawl meta mqabbel ma’ azzjonijiet mudlama li ħerġin min-naħa tal-gvern. Gatt tkompli tgħid li l-mod ta’ kif qed taħdem l-oppożizzjoni qed tħajjar lil kull min jieħu interess fil-politika biex jasal għall-konkluzzjoni li l-politiċi Maltin kollha l-istess.
Dak li qal Dr Grech il-Ħamis filgħaxija li l-ġlied bejn żewġ deputati, fil-grupp parlamentari tiegħu, ġie riżolt, kienet stqarrija nsolenti għall-votanti u sostenituri tal-Partit Nazzjonalista. Dan l-artiklu jkompli jgħid li diġa’ huwa tard wisq biex Dr Grech isalva r-reputazzjoni tiegħu. Hija ssemmilu r-risposti xejn sbieħ u xejn konvinċenti li Dr Grech qed jagħti dwar il-bejgħ tal-passaporti, meta tkellem jew wieġeb fuq kuntratti regalati, kif ukoll għall-mod kif imexxi il-Partit Nazzjonalista u l-intriċċi kollha eżistenti f’partit politiku.
L-artikolista qed tgħid li kważi kważi Bernard Grech mhux lest jissagrifika rebħiet li jista’ jagħmel fil-futur biex jidher li qed jirbaħ xi ħaġa issa. Biss Ms Gatt tkompli li l-messaġġ li qed jintbagħat, minnu u minn ta’ madwaru, huwa biex aħna li ma nafux x’inhu għaddej bejn il-ħitan tad-Dar Ċentrali għandna ngħalqu ħalqna u naċċettaw li dawk li qiegħdin ġewwa jafu ħafna aħjar minnha. Din hija attitudni li mhix aċċettabbli, għaliex kull min jipprova jaħdem b’mod mistur u allura b’diżonesta’, kull ma jkun qed jagħmel hu li jwassal lilu nnifsu għal stmerrija.
Ms Gatt qed tgħid li ma jistax ikun li Dr Bernard Grech, ma kull opportunita’ li jkollu u kull darba li jsib ruħu fuq xi podium, jibqa’ jsostni u jippriedka l-għaqda, biex mingħalih jagħti l-impressjoni li din hija sitwazzjoni veritiera, għax kull ma qed jagħmel huwa li jżid dubju kbar li t-tmexxija tiegħu hija mdawwra bihom.