Għaliex Dr. Bernard Grech huwa t-tellief f’din l-istorja kollha?
Blog post minn osservatur politiku
Dr Bernard Grech qiegħed bilqiegħda fuq pedestal imsewwes. Apparti li l-bieraħ kellna ammissjoni kerha ħafna minn Dr Jason Azzopardi li hu giddieb bil-pedigree, imma l-ikbar tellief minn din l-istorja kollha huwa Dr Bernard Grech.
X’ser jagħmel issa Dr Bernard Grech meta jaf li poġġa fuq siġġu li mhux tiegħu. Meta jaf li qiegħed hemm minħabba gideb sfaċċat minn min poġġieh? Kif jista’ jħossu komdu jmexxi partit meta issa jaf li dak mhux postu imma qiegħed hemm wara l-valenu kollu li ntqal minn wieħed mill-paladini tiegħu, u mxerred minn sħabu, fuq l-avversarju tiegħu fl-elezzjoni li għaddiet.
Kif jgħid il-Malti – Dr Jason Azzopardi waħħalulek. Tefgħek f’dilemma kbira. Qatagħlek il-poter minn saqajk. Kif jista’ jkun li issa tippoppa sidrek u tibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.
Il-bieraħ, Dr Azzopardi ramik f’ħalq l-iljuni mingħajr ma ħasibha darbtejn. L-awtorita’ mogħtija lilek mit-tesserati kienet mibnija fuq it-tafal. Bi sfortuna għall-Partit Nazzjonalista, l-protagonist giddieb f’din l-istorja qarraq bit-tesserati b’narrattiva fażulla li t-tesserati belgħu sa griżmejhom. Kellhom xi tort it-tesserati? Dasżgur li le.
Imma r-riżultat ta’ dak il-gideb ser iwassal biex il-Partit Nazzjonalista jitlef kull kredibilita’ li jista’ jkollu. Kif diġa’ ntqal f’dan is-sit il-bieraħ, l-għaġla jew il-pariri ħżiena li inti rċivejt, tefgħuk f’baħar ta’ inkwiet. Il-bieraħ t’lura għaffigt mingħajr ma’ ħsibt. Imma pjuttost joħroġ ċar li ħsibt wara li għaffiġt, meta tqis li kellek twaqqaf il-laqgħa għax kienet ser tkun tgħaffiġa akbar milli kellek.
Kif tista’ tersaq quddiem il-ġurnalisti u tgħidilhom li issa t-teatrini spiċċaw meta int kont il-prim attur tal-ikbar dramm farsesk li qatt ra pajjiżna. Taf Dr Grech li b’dak li għamilt il-bieraħ t’lura int spiċċalek kull dritt li tibqa’ tmexxi l-Partit Nazzjonalista? Taf li int erbaħt elezzjoni mhux b’dak li preżentajt lit-tesserati int, fil-kampanja tiegħek, imma b’riżultat ta’ gideb sfrenat fuq l-avversarju tiegħek? Kif jgħid bl-Ingliż: you won by default.
Issa x’ser tagħmel Dottore? Ser toqgħod fuq dak il-pedestal imsewwes? Ser toqgħod hemm tistenna li meta jridu ta’ madwarek, li poġġewk, jgħidulek warbielna minn hemm għax poġġejnik hemm għal żmien temporanju u biex ilħaqna l-iskopijiet fażulli tagħna?
Il-bieraħ t’lura, il-Partit Nazzjonalista ħa theżżiża li qatt ma rajna bħala. Il-bieraħ t’lura, il-Partit Nazzjonalista ġie mistmerr minn nies ta’ ġewwa li bl-imġieba tagħhom irredikulaw u daħqu bil-grass roots tal-Partit. Il-bieraħ t’lura, il-Partit tilef il-kuluri glorjużi tiegħu. Biex il-Partit Nazzjonalista jħares ‘l quddiem u jifdi lilu nnifsu irid imur lura u jara x’wettaq xhur u snin ilu. Il-Partit Nazzjonalista irid jieħu deċiżjonijiet drastiċi. Irid ifittex fl-għeruq tiegħu u jerġa’ jibni mill-ġdid fuq il-blat. Biss qabel iridu jwarrbu dawk li xaqqew il-pedamenti.
Sebaħ jum ġdid imma l-Partit intefa lura għall-2017. X’ser jagħmel issa l-establishment?