Tfissira ta’ kull artiklu li fuqu qablu Jason Azzopardi u Adrian Delia
Irridu nifhmu ftit x’qed jingħad fl-istqarrija maħruġa l-bieraħ minn Adrian Delia u Jason Azzopardi. Skond in-Net News din l-istqarrija saret “b’referenza għal dak li nqala’ wara posts li ttellgħu fuq il-mezzi soċjali nhar it-Tlieta li għaddew”. Naħseb li n-Net News kien ikun iktar fidil lejn il-verita’ kieku għamel referenza ukoll għal dawk il-ħafna posts li ttellgħu sa mill-2017 ‘l hawn.
Fl-ewwel paragrafu huwa dwar Dr. Jason Azzopardi. F’dan il-paragrafu, Azzopardi jammetti GIDBA. Hawn id-dikjarazzjoni tirreferi għall-każ li Azzopardi kellu ma’ Vince Borg (Ċensu l-iswed) u mhux għal Adrian Delia.
Fit-tieni paragrafu huwa dwar Dr. Jason Azzopardi u Dr. Adrian Delia. It-tnejn, bil-mod tagħhom, qed jiġġieldu l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern. Dan hu FATT.
Fit-tielet paragrafu hu dwar Jason Azzopardi fejn jammetti li Adrian Delia verament qed jiġġieled waħdu l-ġlieda għall-isptarijiet. Mela kull politiku li jgħid li qed jagħtih is-support u ħafna aktar paroli fil-vojt huwa falz. FATT
Fir-raba’ paragrafu, Dr. Adrian Delia qed jagħraf li Dr. Jason Azzopardi qed jagħmel il-ġlieda f’każijiet ta’ korruzzjoni. FATT. Imma jien inħalli f’idejn il-familja Caruana Galizia u l-ġudizzju tan-nies għall-mod kif qed jaġixxi bħala avukat tal-familja. Dan is-sit staqsa kemm-il darba għaliex Jason Azzopardi qed jieħu ċertu linji ta’ mistoqsijiet li qed jidhru dubbjużi. Għaliex qatt ma jagħmel mistoqsijiet dwr Keith Schembri?
Fil-ħames paragrafu, Jason Azzopardi jammetti l-gideb sfrenat tiegħu. GIDBA. Dan il-gideb kien il-kaġun li Adrian Delia tilef postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Irridu nifhmu x’qed jammetti Jason Azzopardi f’dan il-paragrafu. Ammetta li Dr. Adrian Delia ma huwiex fil-but tal-ebda negozjant. Li Adrian Delia ma għamel xejn biex jipprova jwaqqaf lil David Casa milli jitla’ bħala MEP. Li Adrian Delia ma għandux mijiet ta’ messaġġi ma’ Yorgen Fenech. Minħabba dawn iċ-chats biss kien hemm ħafna tesserati li vvutaw kontra Delia fl-elezzjoni ta’ Kap. Nista’ nsemmi deputati, kandidati, kunsilliera u oħrajn li emmnu l-ħrafa ta’ Jason Azzopardi fuq dawn iċ-chats. Tgħid wasal iż-żmien li nsemmu min huma u ngħidulhom li anke huma kompliċi f’dan l-isfreġu tal-Partit Nazzjonalista?
Is-sit paragrafu fih tagħrif fejn iż-żewġ protagonisti fejn qed jaħilfu l-impenn tagħhom favur is-Saltna tad-Dritt. FATT. Imma kif jista’ Jason Azzopardi jitwemmen wara dak il-gideb kollu li qal fuq Adrian Delia? Wara dikjarazzjoni bħal din, kif tista’ tgħid meta Jason Azzopardi qed jgħid il-verita’ jew qed jigdeb? Għalija dan il-bniedem tilef kull kredibilita’.
Is-seba’paragrafu. It-tnejn jimpenjaw ruħhom għall-Partit Nazzjonalista. FATT. Imma tistgħu tgħiduli kif jista’ jkun hemm xi votant Malti li lest li jagħti vot lil Jason Azzopardi meta huwa ċar minn din id-dikjarazzjoni stess li ma tistax tafdah fi kliemu. Kif jista’ votant jemmen dak li qed jgħidlu Jason Azzopardi meta hawn għandna ammissjoni ta’ gideb li ser ikollu effetti koroh ħafna fuq il-partit tiegħu stess.
Konklużżjoni: Joħroġ ċar minn din id-dikjarazzjoni li Dr Adrian Delia ma għamel ebda irtirata minn dak kollu li kiteb jew minn dak kollu li qal. Għal kuntrarju kellna ammissjoni li lanqas tipprova toħlomha minn Jason Azzopardi. Dan kellu jammetti l-kalunji kollha li qala’ fuq Dr. Adrian Delia.
F’din l-istqarrija sirna nafu li Dr Adrian Delia tilef postu bħala kap minħabba l-gideb ta’ Jason Azzopardi. X’ser jagħmel fuq dan Jason Azzopardi? Ir-riżultat huwa li Dr. Azzopardi tilef kull integrita’ politika li kellu. Wara din il-farsa kollha, x’ser jagħmel il-Partit Nazzjonalista?