Talba għall-għajnuna: każ marbut ma’ mard mentali

Għażiż Dr. Mercieca,

“Ninsab inkwetata fuq ħija ż-żgħir minħabba li f’dan il-pajjiż inħoss li l-mard mentali mhux qed jingħata attenzjoni biżżejjed. Ħija ibati minn mard mentali serju u dan ilu għaddej minn dawn il-problemi minn meta kien għadu żgħir ħafna. Kif dejjem ngħid il-mard jibagħtu Alla u għalhekk nilqgħuh b’idejna miftuħin. Imma li ma ssibx għajnuna mill-istat tagħtini ġewwa wisq. Biex l-istat jagħti kasek trid tkun tlift moħħok għal kollox u ma tibqax tirraġuna. Qed ngħid dan għax bħala familja ninsabu ferm inkwetati x’ser isir minn dan ħuna.

Ippruvajna minn kollox biex nsibu soluzzjoni forsi ħija jkun jista’ jgħix ħajja diċenti, f’ambjent nadif, sikur u fejn ma jkun jonqsu xejn kemm fir-ruħ u fil-ġisem. Ħija baqa’ jgħix ma’ ommi u missieri. Meta ommi ma setgħetx iddur iktar b’missieri, flimkien magħna uliedha, ddeċidejna li kien ikun aħjar għal kulħadd li missieri jmur jgħix f’dar tal-anzjani. Missieri kieku xtaq li ommi tmur miegħu imma minħabba l-kundizzjoni ta’ ħija ddeċidiet li tibqa’ d-dar biex tkun tista’ tieħu ħsiebu. Dan għamlitu meta fil-fatt ommi kellha bżonn min jieħu ħsieb lilha. Jien u ħuti konna nieħdu lil ommi u lil ħija kuljum ħdejn missieri.

Sfortunatament ommi ħalliet din id-dinja tliet snin ilu. L-aħħar kelmiet tagħha fuq is-sodda tal-mewt kienu ħudu ħsieb ħukom iż-żgħir għax dak mhux ta’ waħdu. Wara l-mewt tagħha jien u ħuti għamilna appuntament għand il-psikjatra tiegħu biex naraw kif ħa nkunu nistgħu ngħinu lil ħija. Meta għidnielu x’kien ġara u li issa ħija kien qed jgħix waħdu tlabnih jgħidilna jekk dan hux ħa jkun ta’ ġid għalih. Il-psikjatra bla tlaqliq qalilna li ħija ma kienx kapaċi jgħix waħdu. Meta tlabnih biex jagħtina bil-miktub biex inkunu nistgħu napplikaw għall-għajnuna għal ħija, il-psikjatra qalilna li ma setax jagħmilha.

PPruvajna kemm flaħna imma kien kollu għalxejn. Aħna kollha offrejnielu biex jiġi joqgħod magħna imma hu għalih li jgħix waħdu ma fiha xejn ħażin. Sakemm missieri dam ħaj il-problemi kienu inqas għax għallinqas kuljum kien jiekol platt sħun ma’ missieri għax meta spjegajnilhom x’kien ġara huma fehmu ċ-ċirkostanza ta’ ħija u kienu jistmgħuh qisu pażjent. Il-problema kibret meta sena u nofs ilu miet missieri.

Iltqajna biex naraw kif nistgħu ngħinuh. L-ewwel ħaġa li qalilna biex ma ninkwetawx fuqu u li hu kapaċi jagħmel kollox u jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Imma aħna kollha konna nafu li dan mhux minnu għalhekk ippruvajna nikkonvinċuh biex jiġi jgħix ma xi ħadd minna imqar kemm jorqod imbagħad nerġgħu nwassluh id-dar filgħodu. Imma kien kollu għalxejn. Biex tkompli tgħaxxaqha sa dan it-tant il-psikjatra tiegħu kien ħareġ bil-pensjoni u s-sistema tal-gvern fejn jidħol il-mard mentali nbidlet minn kif kienet, allura issa ma stajniex nagħżlu l-psikjatra aħna, għax ġew skond fejn joqgħod.

Dan mar għall-ewwel vista l-Polyclinic waħdu wara li minħabba l-covid tħassrulu żewġ appuntamenti u skond hu sabuh tajjeb ħafna. Oħti ċemplet il-polyclinic biex tara min kien il-psikjatra tiegħu u biex tispjegalhom iċ-ċirkostanzi tiegħu. In-nurse li kellmitha staqsietha jekk għall-appuntament li jmiss xtaqitx tkun infurmata u jekk riditx li l-appuntament isir iktar kmieni għax indunat li oħti kienet inkwetata. Għall-appuntament ta’ wara marret miegħu u rat li meta beda jwieġeb għall-mistoqsijiet li kienu qed isirulu mill-psikjatra hija beda jigdeb.

Fost oħrajn qallu li jaf isajjar, jinħasel regolari u li kapaċi jnaddaf id-dar fejn jgħix li hija kbira ħafna. Oħti ma riditx tiksru allura dak il-ħin ma tkellmet xejn imma kif marret id-dar ċemplet u qaltilhom li dan kien qed jigdeb u hawnhekk qabduna mas-social workers. Iltqajna magħhom u qalulna li biex jiġu jaraw id-dar irid jagħtihom il-permess hu, la moħħu għadu tajjeb. Jekk dan ma jagħtihomx permess ma setgħu jagħmlulu xejn. Aħna għamilna minn kollox biex nispjegawlhom li ħija rasu iebsa u li għalih li jinħasel darba kull ma nafx meta u li jiekol frott biss u li qatt ma jnaddaf kamra tal-banju għalih normali u meta niġbdulu l-attenzjoni jew jien jew ħuti fuq xi ħaġa minnhom jgħidilna x’intom ixxommu, fejn inqast, mhux kullimkien nadif hawn?

Aħna ninsabu ferm frustrati għax għal dawn in-nies li għalkemm moħħhom għadu tajjeb imma mhumiex kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom, iridu jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għalihom. Kif jista’ jkun? Jiġifieri dan ħija jrid jgħix il-kumplament ta’ ħajtu ġo post maħmuġ li mhux tajjeb biex jgħixu n-nies, traskurat u żaqqu nieqsa minn ħafna affarijiet. Lanqas fil-Milied ma ried imur għand ħadd u iżjed ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jispiċċa ma joħroġx għax għalina saret diffiċli taħt iċ-ċirkostanzi li noħorġuh magħna meta dan ma jkunx irid jinħasel u jbiddel. Allura għal ħija dan hu d-destin tal-ħajja li baqagħlu f’din id-dinja li jgħix agħar minn annimal għax meta kienet ħajja ommi konna mmorru regolari u darba fil-ġimgħa niltaqgħu l-aħwa kollha hemm, imma ħadd ma jieħu pjaċir x’imkien fejn ikun hemm irwejjaħ xejn pjaċevoli.

Issa ġej inkwiet ikbar għax il-bieraħ ċempel lil wieħed minn ħuti u qallu li qed jiddejjaq filgħodu ma jagħmel xejn. Bidlulu l-pilloli u ma għadux jagħmel ġurnata rieqed. Issa daħħalha f’rasu li jrid jixtri karozza biex jibda jużaha taxi u diġa’ beda jdur biex jara x’karozza ħa jixtri. Dan ma nafx jistax jagħmilha għax ilu snin boarded out. Imma moħħu għadu tajjeb, qalulna, biex jiddeċiedi għalih innifsu. Allura fejn ħa mmorru nitkellmu aħna issa?

Aħna responsabbli biżżejjed u ma rridux li jiġrilu xi ħaġa. Imma iżjed u iżjed inkwitati, li minħabba il-kundizzjoni tiegħu, jiġri xi ħaġa lil min ikun miegħu. Hu kien isuq imma issa ilu snin twal li biegħ il-karozza li kellu għax kien iddeċieda waħdu li ma riedx isuq iżjed.

Niskuża ruħi li ktibt daqshekk fit-tul u rrid ngħid li din kienet deċiżżjoni tiegħi waħdi li nikteb hawn. Għamilt dan għax naf li l-Blogs tiegħek segwiti minn ħafna nies u forsi minnhom ikun hawn xi ruħ tajba li tista’ tgħidilna x’nistgħu nagħmlu għax ħija taħt iċ-ċirkostanzi qiegħed fuq il-mediċini għall-mard mentali imma d-deċiżjonijiet jista’ jeħodhom hu”.

Min forsi jixtieq jista’ jgħin jista’ jagħmel kuntatt miegħi billi jibgħatli private message u mbagħad inqabdu mal-persuna li bgħattitli dan il-messaġġ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *