Le Jason: aħna ma rridux immorru naraw il-football

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ fl-għaxija, ġiet iffirmata dikjarazzjoni xokkanti. Xokkanti għal ħafna raġunijiet, pero’ ma nistgħux ma ninnotawx li b’dak li nkiteb, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jħaffer il-qabar tiegħu stess.

L-Onorevoli Dr Jason Azzopardi, li l-Onorevoli ma tixraqlu xejn, iddeċieda jew ma kellux triq oħra ħlief li jammetti li dak kollu li qal fir-rigward ta’ Dr Adrian Delia, kien kollu gideb u ngann. Jason Azzopardi l-bieraħ għoġbu jirrakkomandalna sabiex immorru d-dar u noqogħdu naraw il-football.

Le Jason, aħna ma rridux naraw il-football. Aħna rridu li ssir ġustizzja, ġustizzja kemm miegħek u wisq aktar ma’ Dr Adrian Delia. B’għemilek int xekkilt pożizzjoni ta’ persuna li hija protetta bil-kostituzzjoni ta’ Malta. B’għemilek int irnexxielek tniżżel lill-Partit Nazzjonalista fl-abbissi li l-bambin biss jista’ joħorġu minnu. Il-Bambin, mhux l-istess wieħed li mort iżżur int Jerusalem, għax dak huwa tiegħek biss u huwa ovvju li int imdorri tigdeb u tigdeb sew.

Għadni mnixxef u skantat, kif lanqas vuċi waħda minn dawk li jriduha tal-qaddisin mexjin fl-art għadu ma fetaħ ħalqu. Fejn qegħdin tal-Occupy Justice u Repubblika? Fejn qegħdin dawk li tant iħabbtu idejhom fuq sidirhom rigward ir-rule of Law? L-uniku li tkellem huwa Manuel Delia li kif mistenni qabeż għalik Jason Azzopardi.

Imma għala Manuel Delia biss tkellem? Forsi għax lanqas is-soċjeta’ ċivili ma għadhom jemmnuk jew qegħdin issa jibżgħu li minħabba fik mhux ser jibqgħu jkunu emmnuti? Ħawwadt lin-nies, anke lil dawk li kienu jemmnuk. Kull meta tgħid xi ħaġa ma nafux x’inhu sewwa jew x’inhu gideb. Ma jistħoqqlokx li tkun parti mill-ebda entita, jew parti minn xi għaqda li tippromovi s-saltna tad-dritt u wisq aktar ta’ partit politiku ewlieni. Għerriqt kull ħaġa li missejt magħha. Tliftilna l-fiduċja u neħħejtilna kull tama.

Naħseb li wasal iż-żmien li jitqiegħdu l-karti fuq il-mejda. Irridu nkunu ċerti li l-ħaqq qiegħed hemm għal kulħadd u ħadd ma jaħseb li huwa fuq il-ġustizzja. L-organi tal-pajjiż iridu jaraw li dan l-att barbaru ma jistax jibqa’ għaddej qisu ma ġara xejn u mmorru naraw logħba football.

Jason Azzopardi, int ħadt gurament lejn il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna u quddiem Alla li nemmnu aħna fih. Għaldaqstant hemm bżonn li Dr Bernard Grech jara li ssir ġustizzja jekk irid il-Partit Nazzjonalista li qed imexxi hu, jibda forsi ftit ftit jiġbor ftit kredibilita’ li qedha titkaxkar mal-art. Qatt daqs bħalissa pajjiżna ma għandu bżonn oppożizzjoni kredibbli u serja. Dan huwa obbligu lejn il-ġurament li ħadt int ukoll Dr Bernard Grech.

Qed nistenna ammissjoni mid-deputati li ġabbru l-firem u marru għand il-President ta’ Malta sabiex ineħħu lil Dr. Adrian Delia minn kap tal-Opposizzjoni. Nippretendu lanqas ħaġa, li jammettu li anke huma ġew ingannati. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, ikun ifisser li anke huma jkunu ffrodaw il-kostituzzjoni.

B’hekk biss forsi nibdew it-triq ta riabilitazzjoni twila li għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply