Min ordna jew ta parir lil Bernard Grech biex isejjaħ l-esekuttiv illum?

Fid-Dar Ċentrali ntlibbsu l-ingwanti jew aħjar qed jiġu msonna l-istalletti. Dr Bernard Grech sejjaħ laqgħa tal-esekuttiv b’urġenza. Dak li ħadd mhu qed jistaqsi huwa minn min ġiet din l-ordni? Bernard Grech kien ordnat jagħmel dan il-pass? Jew ħadu minn rgħajh? Dr Bernard Grech jaf tajjeb li ta’ madwaru mlew il-kumitat esekuttiv bin-nies tiegħu, b’tali mod li Dr Adrian Delia ser ikun dejjem fil-minoranza.

Is-Segretarju Ġenerali, li tqiegħed hemm minn Dr Louis Galea, ħareġ stqarrija fejn qalilna li fl-aħħar bdiet tuġgħu żaqqu. Fl-aħħar qam minn raqda twila u nduna li qed jittellgħu posts minn deputati tal-partit tiegħu li huma diviżivi. Biss wieħed jistaqsi fejn kien Dr Francis Zammit Dimech f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs u b’mod speċjali kemm ilu segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista? Possibli li issa nduna li hemm post diviżivi?

Mela qabel x’kien qed jagħmel, jaqra biss il-gazzetti flok il-posts tan-nies taħt ir-responsabilita’ tiegħu? Biss jidher li issa nigżitu l-kuxjenza għax fl-aħħar, Dr Adrian Delia kiteb xi ħaġa. Għalija Dr Adrian Delia missu ilu s-snin li tella’ dan it-tip ta’ post. Dr Adrian Delia għamel tliet snin kap jaqla’ ġo l-istonku tiegħu u żamm lura biex jipprova jżomm il-paċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

X’għamel is-Segretarju Ġenerali preżenti meta kien qed jiġi mgħajjar Adrian Delia? Qatt tella’ xi post ta’ kundanna jew talab biex id-diviżjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ma tkomplix tikber? Tgħid bl-atteġġjament tiegħu waqt il-kampanja tal-kap, sitt/seba’ xhur ilu, Francis Zammit Dimech naqqas id-diviżjoni jew żiedha? Jien għadni niftakar tajjeb ħafna, artiklu mtella’ fuq il-Facebook Page (jidhirli) minn Liliana Risiott Copperstone dwar dak kollu li kien qed jiġri fit-tieni sular tad-Dar Ċentrali. Dak li ssemma f’dak l-artiklu kien qed jiġri eżatt mal-uffiċċju tiegħu, bieb ma bieb. Possibli ma ndunax x’kien għaddej? Jew dak in-nhar, tant kemm kien jaf x’qiegħed jiġri li ta l-barka tiegħu biex jitkompla?

Ħa naraw ftit ix-xenarju kurrenti kif inhu fil-Partit Nazzjonalista llum. Mela l-ewwel għandna il-fazzjoni tas-soċjeta ċivili rappreżentata tajjeb ħafna fil-partit minn Francis Zammit Dimech li hija wkoll l-istess fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Ninnutaw minn ħafna kitba, li din il-fazzjoni ma għadhiex tniżżel lil Bernard Grech, wara li wżatu biex ittajjar Adrian Delia minn kap tal-partit. Tgħid veru li l-fazzjoni Busuttil/Repubblika qalu lil Bernard Grech li issa ċ-ċans biex jeħles minn Dr Delia darba għal dejjem? Manuel Delia kitibha dwarha fil-blog tiegħu.

Hemm ukoll il-fazzjoni li, xi ftit jew wisq, bena Bernard Grech fejn jikkontrolla totalment it-tielet sular tad-Dar Ċentrali. Dawn iż-żewġ fazzjonijiet jaħdmu kollha bejn l-istess ħitan tad-Dar Ċentrali imma mhux id f’id. It-tnejn li huma jimbuttaw kemm jifilħu l-aġenda tagħhom b’mod separat. Eżempju ċar huwa li l-ġenerali ta’ madwar Bernard Grech ma jagħtu ebda sodisfazzjon lil dawk tat-tieni sular, fosthom is-Segretarju Ġenerali.

Imbagħad hemm il-fazzjoni ta’ Dr Delia li ma fadlilha ebda saħħa fid-Dar Ċentrali imma xorta għadha b’saħħitha barra fit-toroq u fid-djar tan-nies. Għad hemm ħafna Nazzjonalisti li jaħsbu li dak li għamlu tal-klikka u sħabhom fil-konfront ta’ Dr Adrian Delia għadu mhux aċċettabbli għalihom sal-lum. Dawn għadhom jgħożżu l-isforzi kollha li għamel Adrian Delia favur il-Partit Nazzjonalista. Għalhekk ħafna minnhom għadhom warajh u wara l-Partit Nazzjonalista għax dak kien il-messaġġ ta’ Dr Adrian Delia eżatt kif tilef it-tiġrija tal-kap.

Issa x’ser tagħmel Dr Bernard Grech? Issa ser tipprova tuża d-dixxiplina? Ma min ser tagħmel din id-dixxiplina? Ma’ Adrian Delia? Ma’ Jason Azzopardi? Mat-tnejn?

Kwart tat-tesserati, u ħafna sostenituri u nies tat-triq qegħdin wara Adrian Delia u ser inkunu għassa biex jisimgħu u jaraw kif ser jirreaġixxi Bernard Grech il-lejla.

Leave a Reply